Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Illum nirriflettu … għada nivvutaw

Għada s-Sibt, Malta u Għawdex se tivvota f’Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Barra minhekk, residenti f’34 lokalità (26 f’Malta u 8 f’Għawdex) se jivvotaw biex jeleġġu l-Kunsill Lokali tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin.

Illum il-Ġimgħa hu Jum ta’ Riflessjoni skont il-Liġi Elettorali ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, f’nofsillejl li għadda waslu fi tmiemhom il-kampanji elettorali rispettivi tal-partiti politiċi.

Għall-elezzjoni ta’ għada, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta 184 kandidat, filwaqt li l-Partit Laburista qed jippreżenta 177 kandidat. L-AD qed tippreżenta seba’ kandidati, filwaqt li disa’ kandidati oħra qed jikkontestaw bħala Indipendenti jew xi partit ieħor.

Il-Postijiet tal-Votazzjoni għada jiftħu fis-7am u jagħlqu fl-10pm. Biex jivvota wieħed irid jieħu miegħu d-Dokument tal-Vot.

Illum, fl-istess ħinijiet, qed jivvutaw l-Aġenti Kummissjonarji Elettorali li għada se jkunu qed iservu fil-Postijiet tal-Votazzjoni madwar Malta u Għawdex. Dawn se jivvutaw fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.