Internazzjonali

Kundizzjoni kurjuża ġġiegħel lin-nies jaħsbu li huma Karattri mill-Bibbja

Miljuni ta’ nies, kull sena, iżuru l-Belt ta’ Ġerusalemm li għandha relevanza Bibblika enormi u li tattira l-membri ta’ kull denominazzjoni reliġjuża; b’mod notevoli l-Kristjani, il-Lhud u l-Musulmani.

Intant, magħruf li l-emozzjoni kemm il-darba taħkem uħud mill-barranin li jqattgħu s-sigħat viċin is-siti qaddisin storiċi u sal-punt fejn huma jibdew juru kundizzjoni rari magħrufa bħala ‘Jerusalem Syndrome’.

Din il-kundizzjoni kienet identifikata għall-ewwel darba fl-2000, bil-psikoloġisti jinnutaw li xi devoti spiċċaw f’dagħdigħa ta’ eċċitament dwar il-fatt li huma kienu f’zona ta’ sinifikat hekk kbir minn aspett ta’ reliġjon. Il-‘Jerusalem Syndrome’ hu karatterizzat bis-sentimenti tal-ansjeta u s-sintomi tal-ferneżija; bil-persuni affettwati jibdew jemmnu (għal perijodu ta’ żmien) li huma ‘karattri mill-Bibbja’.

Kulmin ibati b’din il-kundizzjoni ikollu fisazzjoni għall-indafa waqt li, f’Ġerusalemm, ġieli dehru n-nies lebsin bħal ‘toga’ maħduma mil-liżar tas-sodod tal-lukandi.

Il-fażi li jmiss ta’ din il-kundizzjoni ġġiegħel lill-persuni affettwati jitkellmu b’leħen għoli (u ġieli jwerżqu) waqt li jixtarru d-diskorsi tal-Bibbja inkella jkantaw l-innijiet b’tema spiritwali jew reliġjuża.

Skont rapport ta’ ‘LiveScience’ il-kundizzjoni ‘Jerusalem Syndrome’ kemm il-darba taffettwa lin-nies li ma jkollhomx storja ta’ problemi tas-saħħa mentali. Iżda l-esperti jemmnu li, f’diversi każi, il-kundizzjoni x’aktarx hi parti minn psikożi akbar u aktar profonda li ma tkunx fattur uniku tal-‘Jerusalem Syndrome’.