Il-ġimgħa li għaddiet, il-General Workers Union laqqgħet lill-eks Ħaddiema tax-Xatt u lill-werrieta tagħhom biex tgħidilhom bil-qbil li laħqet mal-Gvern dwar il-flus li għandhom dritt għalihom mill-Fond tal-Pensjoni u l-Kontinġenza, li huma jew qraba tagħhom ħallsu għalih tul għexieren ta’ snin.
Madankollu, dawn l-eks Ħaddiema ħarġu ferm diżappuntati u rrabjati mil-laqgħa minħabba li jekk jaċċettaw il-ftehim milħuq mhuma se jingħataw xejn qabel Jannar 2016, bis-somma li l-GWU qablet dwarha mal-Gvern titqassam fi żmien 12-il sena.
Uħud mill-eks Ħaddiema tax-Xatt għamlu kuntatt mal-ġurnal In-Nazzjon u lmentaw li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb fl-ebda mument waqt il-laqgħa ma staqsa direttament lil dawk preżenti jekk jaqblux jew le, iżda sempliċement ingħataw karta biex fiha jimlew id-dettalji tagħhom jew ta’ min qed jirrappreżentahom.
Lill-eks Ħaddiema spjegawlhom li jekk jirritornaw il-karta lill-GWU sal-aħħar tax-xahar, ifisser li jkunu qed jaċċettaw il-ftehim li l-GWU laħqet mal-Gvern.
Barra minhekk, il-persuni li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li mhux dawk kollha preżenti fehmu li min jimla l-karta u jirritornaha lill-GWU jkun qed iċedi kull dritt għal aktar ħlas u benefiċċji li jista’ jkun li għandhom dritt għalihom.
//= $special ?>