Il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista, jiddikjara li qiegħed jappoġġja lill-Kunsill Notarili, f’dak kollu li ġie ddikjarat minnhom permezz ta’ stqarrija maħruġa nhar is-6 ta’ April 2015, għar-rigward emendi ulterjuri għall-Budget Measures Implementation Bill.
Fi stqarrija, l-FPPN tisħaq li n-Nutara huma uffiċjali pubbliċi skont il-liġi, u għalhekk, il-Gvern, għandu obbligu li jikkonsulta mar-rappreżentanti ta’ din il-professjoni dwar miżuri li wara kollox huma intiżi biex il-Gvern, permezz tal-istess Nutara, jiffaċilita l-ġbir ta’ dak li hu dħul f’taxxi li jiġu mill-pubblikazzjoni ta’ Atti Notarili. Dan in-nuqqas, kif rifless b’mod ċar, minn dak iddikjarat mill-istess Kunsill, imur kontra dak imwiegħed mill-istess Gvern qabel l-elezzjoni, li dan huwa gvern li jisma’.
L-FPPN tisħaq li din l-attitudni, tirrifletti wkoll, nuqqas ta’ professjonalitá, ta’ kif wieħed qiegħed jimplimenta miżuri ġodda jew bidliet bħal dawn, meta propju dawk li jridu jħaddmu l-istess miżuri jew bidliet, jitħallew fil-limbu. Illi dan kollu qiegħed, bħalma qed jiġri f’diversi setturi oħra, joħloq inċertezza, li l-quddiem tista’ tissarraf fi problemi fid-dħul tal-Gvern.
Dan il-Forum, kif ġia rrimarka f’okkażjoni oħra, jinnota, li dan il-gvern qiegħed jinjora l-fatt li ċertu professjonisti bħal ma’ huma in-Nutara, qegħdin hemm ukoll sabiex jassistu lill-Istat, u għaldaqstant, ma huwiex ta’ ġid għal-pajjiż, u jmur kontra l-interessi tal-Gvern stess, illi dawn jiġu injorati.
//= $special ?>