Editorjal

L-importanza tal-Kunsilli Lokali u ta’ vot storiku f’referendum abrogattiv

Għada nofs il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex iġeddu l-Kunsill Lokali tagħhom waqt li l-elettorat kollu hu msejjaħ minn 10 fil-mija taċ-ċittadini biex jivvota f’referendum fih innifsu storiku, l-ewwel referendum abrogattiv li qed isir f’pajjiżna u allura l-ewwel darba li qed titħaddem il-liġi tal-1998 dwar ir-referendum abrogattiv.

Il-Kunsilli Lokali ġabu bidla tajba f’ħafna lokalitajiet

Il-Kunsilli Lokali, li twaqqfu fl-1994, bla dubju ta’ xejn ġabu bidla għall-aħjar fil-lokalitajiet fejn noqogħdu – min aktar u min anqas, veru – imma żgur li bidla għall-aħjar fl-aħħar 21 sena. Illum nivvutaw għal nies li nafuhom biex jamministraw l-ambjent fil-post fejn noqogħdu u jibnu spirtu ta’ komunità madwarna.

Titjib li narawh b’għajnejna u nħossuh fi spirtu ta’ komunità

Il-Kunsilli Lokali ġabu titjib li narawh b’għajnejna f’ħafna lokalitajiet. Sar tiġdid ta’ ħafna pjazez ewlieni, toroq lokali u ġonna pubbliċi. Saru għadd kbir ta’ attivitajiet li qajmu tradizzjonijiet antiki jew bdew uħud ġodda waqt li ħolqu sens dejjem jikber ta’ komunità. Sar għadd kbir ta’ korsijiet fil-lokalitajiet għal residenti ta’ kull età.

Vot importanti biex intejbu l-lokalitajiet u l-komunitajiet tagħna

Għalhekk, dan għall-Kunsill Lokali hu vot importanti għax jagħtina leħen f’dak li hu l-aktar qrib tagħna: l-ambjent tal-post fejn noqogħdu, l-ispirtu ta’ komunità li nħossuna parti minnha u li tieħu ħsieb kulħadd.

Vot storiku fl-ewwel referendum abrogattiv

Għada wkoll, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin madwar il-pajjiż kollu msejħin ukoll għar-referendum abrogattiv. Dan se jkun vot storiku għax din hi l-ewwel darba li ammont ta’ ċittadini talbu vot ħalli l-poplu kollu jiddeċiedi jekk tinbidilx xi liġi. Din hi l-ewwel darba li qed jintuża d-dritt tar-referendum abrogattiv li kien daħal fis-seħħ fl-1998. Għall-ewwel darba, mhumiex il-mexxejja politiċi li qed jitolbuna nivvutaw; talbu li nivvutaw ċittadini oħrajn b’dan id-dritt ġdid tagħna.

Flok politiċi jgħidulna x’għandna nagħmlu, iċ-ċittadini jgħidu lill-politiċi x’għandhom jagħmlu

Naturalment, smajna ż-żewġ naħat x’għandhom x’jgħidu fuq il-mistoqsija tar-referendum. Il-partiti politiċi ma ħadu l-ebda pożizzjoni lejn naħa jew oħra u din hi ħaġa tajba ħafna għax l-ispirtu tar-referendum abrogattiv hu propju dak: li flok intellgħu politiċi ħalli jikkmandawna, għal darba nikkmandawhom aħna b’mod dirett.

Issa f’idejna

Għalhekk, kemm bil-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli f’nofs il-lokalitajiet kif ukoll bil-vot madwar Malta u Għawdex fir-referendum abrogattiv, għada għandna f’idejna mezz importanti biex niddeċiedu aħna stess dwar il-lokalitajiet fejn noqogħdu u dwar il-mistoqsija li għadd ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin talbuna nwieġbu.