Edukazzjoni Lokali

L-MUT b’appell biex il-politika ma timminax l-Edukazzjoni

Ix-xena politika fil-pajjiż qed twassal għal żieda fl-antagoniżmu u qed tħalli effetti negattivi fuq uliedna u l-edukazzjoni tagħhom. Qalet dan il-Union tal-Għalliema (MUT) f’appell lill-politiċi biex jagħmlu qabża ‘l quddiem, b’mod partikolari issa li ilna tant snin membri fl-Unjoni Ewropea.

L-MUT qalet li l-politika li qed tintuża’ fil-pajjiż qed timmina l-isforzi tal-għalliema biex jedukaw lit-tfal, fost oħrajn biex jaħsbu b’mod kritiku. B’referenza għal attakki li minn żmien għall-ieħor naraw fuq is-social media, l-Union tal-Għalliema qalet li meta jaraw dan, it-tfal jistgħu jaħsbu li hi xi ħaġa normali li tħammeġ jew tattakka kollega tiegħek fuq livell personali.

Fl-istqarrija, l-MUT appellat lill-politiċi u liż-żewġ partiti ewlenin biex il-qabża meħtieġa ‘l quddiem tgħin tkun biex taqdi lil pajjiżna u għalhekk ikun hemm ħidma għall-għaqda tal-poplu b’rispett sħiħ għall-intelliġenza tiegħu.