Lokali

Priġunier jallega li ssawwat minn membri tal-SRT fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qiegħed jallega li nhar il-Ħamis hu ssawwat minn membri tal-SRT – il-Pulizija speċjalizzati fil-Ħabs – ftit tal-ħin wara li dan irritorna fil-ħabs minn ġurnata xogħol.

Jidher li l-membri tal-SRT riedu li jagħmlu tfittxija fuq il-persuna ta’ dan il-priġunier u hawn inqala’ argument u f’mument minnhom meta dan il-priġunier intalab jitbaxxa, qiegħed jallega li xi ħadd mill-membri tal-SRT tah daqqa minn wara.

Jidher li appena hu rrisponda għal din id-daqqa billi qam, xi membru ieħor sprejjalu l-pepper spray f’għajnejh u hawnhekk dan il-priġunier qiegħed jallega li qala numru ta’ daqqiet minn madwar ħamsa/sitta membri tal-SRT li sawtuh f’partijiet differenti tal-ġisem tiegħu tant li fis-sigħat ta’ wara ħarġu numru ta’ tbenġil.

Sussegwentement dan il-priġunier – soltu residenti f’Diviżjoni Wieħed – intbagħat f’Diviżjoni Sitta.

Sadattant minn informazzjoni li rnexxielna niksbu jidher li matul l-aħħar jiem il-membri tal-SRT kienu ta’ spiss qed jgħmlu tfittxija għad-droga f’Diviżjoni Wieħed u fis-sigħat li għaddew kien hemm numru ta’ każi relatati mal-abbuż tad-droga. Mhux magħruf x’investigazzjonijiet qed isiru dwar dawn il-każi.