Internazzjonali

Se jibqa’ jiftakar ‘l-effetti’ ta’ party għal għomru….

Raġel li xorob iż-żejjed waqt party – sal-punt fejn intilef minn sensih – mhux talli spiċċa jbati l-effett ta’ ‘hangover’qalil iżda anki ħa x-xokk ta’ ħajtu meta sab li sieħbu kien għamillu tattoo permanenti, b’messaġġ ‘speċjali’, fuq dahru.

Fil-fatt u waqt li r-raġel, Josh Darnbrough, kien ‘mitluf mid-dinja’ sieħbu, Rob Gaskell, iddeċieda li jagħmillu ċajta memorabbli – fil-forma ta’ tattoo li jaqra ‘if found face down call an ambulance’ (jekk issibuni wiċċi ‘l isfel, ċemplu lil tal-ambulanza).

Kien biss l-għada tal-party li Josh induna x’għamillu l-ħabib tiegħu – u dan wara li nzerta jħares fil-mera. Mifhum ukoll li t-tfajla ta’ Josh ‘iġġennet’ meta rat it-tattoo u spiċċat tagħtih ħasla kif imiss.

Min-naħa tiegħu, Rob Gaskell qal li ried ipattiha lil Josh talli hu, xi ġimgħat qabel, kien ipprova jagħmillu tattoo permezz ta’ ‘DIY kif’, u fejn l-esperiment spiċċa jfalli bil-kbir. Għaldaqstant, Rob spjega li ‘ma setax jirreżisti t-tentazzjoni li jpattiha lil sieħbu’ meta rah mitluf minn sensih waqt il-party.

Madankollu, Josh u Rob – li t-tnejn għandhom 24 sena u ilhom jafu lil xulxin minn tfulithom – għadhom ħbieb sallum. Ir-rapporti qalu li huma, bħalissa, għaddejjin minn proċess biex jitneħħewlhom it-tattoos ‘diżastrużi’ u li xorta qed jaraw lil xulxin kuljum.