Internazzjonali Kurżitajiet

Tibda l-istennija għat-twelid

Il-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge, u martu, Kate, jinsabu lesti għat-twelid imminenti tat-tieni tarbija tagħhom.
Id-Duka jista’ jkollu jivvjaġġa għal sagħtejn minn Norwich lejn Londra biex ikun preżenti għal dan l-avveniment mill-aktar importanti f’ħajjithom.
Fil-preżent, William hu impenjat bit-taħriġ bħala pilota tal-air ambulance u qed iqatta’ perjodi ta’ żmien f’Norwich, Cambridge kif ukoll fi Staverton, fi Gloucestershire. Hu mifhum ukoll li, fil-ġurnata meta martu tasal biex twelled, hu mhux se jkollu ħelikopter fuq ‘standby’ u li jista’ jwasslu lejn Londra. Id-Dukessa Kate għandha ssegwi l-aħħar fażi tat-tqala fl-Isptar ta’ St Mary’s, f’Paddington.
Il-belt ta’ Norwich tinsab xi 118-il mil ’il bogħod minn St Mary’s, u l-vjaġġ bil-karozza minn Staverton għal Londra ukoll qed jitqies bħala ‘sostanzjali’ f’ċirkostanzi urġenti.
Fl-istess ħin, il-vjaġġ bil-karozza minn Norwich għal Paddington is-soltu jdum madwar tliet sigħat, madankollu, is-sorsi qrib id-Duka ta’ Cambridge qalu li hu, dakinhar, m’għandux jivvjaġġa aktar minn sagħtejn sakemm ikun maġenb martu.
William u Kate għandhom tifel wieħed – il-Prinċep George, li twieled f’Lulju tal-2013. Fiż-żmien tat-twelid, id-Duka kien pilota mal-RAF u kellu ħelikopter għad-dispożizzjoni tiegħu, iżda llum l-affarijiet huma differenti u William bilfors ikun irid jivvjaġġa bil-karozza ħalli jassisti għat-twelid tat-tieni tarbija.
It-twelid mistenni fil-ġranet li ġejjin u mhux magħruf jekk il-wild il-ġdid se jkun tifel jew tifla.