Internazzjonali

Tmut Lauren Hill: Baqgħet tgħix minkejja kanċer terminali

Iż-żagħżugħa ta’ 19-il sena Lauren Hill tilfet il-battalja ma’ kanċer terminali f’moħħha, sena u tliet xhur wara li saret taf li qed issofri minn din il-marda kiefra.

Minkejja dan, hi ħalliet warajha mhux biss ispirazzjoni fost dawk kollha li jsofru mill-kanċer, imma wkoll $1.4 miljun li ġabret b’risq ir-riċerka għal fejqan kontra l-kanċer.

Minkejja li ħadet l-aħbar li m’hemmx fejqan għall-kanċer li kellha, Laren Hill qatt ma waqfet tgħix ħajjitha u twettaq il-ħolm tagħha.

Is-sena li għaddiet Lauren saħansitra lagħbet logħba basketball mat-tim tal-Universita’ ta’ Mount St. Joseph. Dan wara li saret petizzjoni biex il-logħba ssir qabel id-data li suppost kellha tintlagħab, biex Hill setgħet tkun parti mill-iskwadra.

Il-petizzjoni ntlaqgħet, u f’dik il-logħba Lauren saħansitra rnexxielha tiskurja. Dan minkejja li l-kanċer kien jikkawżalha uġiegħ ta’ ras u sturdamenti.

Imma biex waslet s’hawn, Lauren kellha taħdem u tittrenja għaliex il-kanċer kien dgħajjifha ħafna, tant li ma setgeħtx tuża  idejha x-xellugija, l-id li kienet tuża qabel. Kien għalhekk li biex twettaq ħolma bdiet titħarreġ b’idejha l-leminija.

Meta ma setgħetx tilgħab iktar, Lauren Hill intagħżlet ħala l-assistent kowċ tal-iskwadra tal-Universita’.

“Qatt ma ċedejt għal sekonda, lanqas meta qaluli li kont marida terminalment. Qatt, lanqas għal sekonda, ma ħsibt li għandi npoġġi bilqiegħda u nieqaf ngħix,” kienet tgħid Lauren Hill.