Il-Prim Ministru Joseph Muscat kemm-il darba qal li fl-elezzjonijiet ta’ llum tal-Kunsilli Lokali l-Partit Laburista se jkun “l-underdog”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kemm-il darba qal li fl-elezzjonijiet ta’ llum tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jiffaċċja test mill-aktar importanti.
Simultanjament hemm ukoll ir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Dawk favur ġabu numru ta’ argumenti biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom. Dawk kontra wkoll ġabu numru ta’ argumenti biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom.
Matul din il-kampanja elettorali, sia għall-Kunsilli Lokali u sia għar-Referendum kulħadd seta’ jsegwi bumbardament ta’ opinjonijiet, ħsibijiet, raġunamenti u argumenti. Ilkoll għenu biex wieħed seta’ jifforma opinjoni aħjar dwar issa llum x’se jkun qed jagħmel bil-vot tiegħu.
Bħala poplu llum il-Maltin u l-Għawdxin fejn se jkunu qed isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, huma mistiedna biex jeżerċitaw id-dritt naturali u bażiku tagħhom f’soċjetà demokrata biex jipparteċipaw u jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom għall-istess Kunsilli Lokali.
Tajjeb li dawk kollha eliġibbli biex jitfgħu l-vot tagħhom jassiguraw li jeżerċitaw dan id-dritt fundamentali. Għall-ewwel darba fi ħdan din il-familja anki ż-żgħażagħ sa minn sittax-il sena ‘l fuq. Pass tajjeb fid-direzzjoni t-tajba.
Naturalment kull wieħed u waħda għandhom jeżerċitaw dawn id-dritt mhux biss fl-isfond ta’ dak li semgħu matul dawn l-aħħar ġimgħat tal-kampanja, imma anki billi jagħrblu sew ħidmet il-Kunsill Lokali partikulari fil-belt jew raħal fejn joqogħdu. Skont dak li għamel matul is-snin li għaddew, wieħed għandu jiddeċiedi kif se juża l-vot tiegħu. Il-vot li fl-aħħar mill-aħħar hu wkoll investiment għall-ħidma li trid tkun se ssir fis-snin li ġejjin.
Jiġifieri Kunsill Lokali li fis-snin li għaddew ikun falla f’ħidmietu żgur li jkun ħaqqu tbeżbiża u bidla fid-direzzjoni. Jiġifieri Kunsill Lokali i fis-snin li għaddew ikun ħadem u ta r-riżultati, allura dan ikun ħaqqu sostenn b’vot ta’ rikonoxximent għall-ħidma li jkun wettaq.
Bla dubju ta’ xejn li l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna ġabet mhux biss deċentralizzazzjoni tal-poter li allura tressaq ferm aktar viċin tan-nies, imma t-tgawdija tal-benefiċċju li kull belt u raħal seta’ jsir fiha aktar xogħol direttament biex titgawda kull komunità skont il-bżonnijiet tagħha.
Il-Kunsilli Lokali ġabu avvanzi kbar u wieħed illum jieħu gost jinnota li kulħadd jaqbel mal-prinċipju tad-deċentralizzazzjoni tal-poter permezz tal-Kunsilli Lokali. Li taw ukoll l-opportunità lil bosta aktar biex jidħlu fil-qasam tal-politika u tal-volontarjat u joffru s-servizzi tagħhom lill-kumplament tal-komunità.
Naturalment wara l-Jum ta’ Riflessjoni tal-bieraħ u l-votazzjoni llum għada jisbaħ Jum iċ-Ċelebrazzjoni għal min ikun ġie elett, għal min ikun ivvota u ra l-vot tiegħu jissarraf f’suċċess u anki għall-verdett dwar ir-Referendum.
Jalla li ank f’dawn il-mumenti wieħed jiċċelebra b’responsabbiltà u bi prudenza u mingħajr ma jweġġa’ s-sentimenti ta’ ħadd. Hemm il-mumenti tar-rebħ u anki l-mumenti tat-telf. Il-kobor ta’ bniedem hu meta jkun kapaċi jġib ruħu b’mod korrett f’kwalsiasi ċirkostanza.
Il-maturità titlob li wieħed jaċċetta li jkun hemm min jirbaħ u anki li jkun hemm min jitlef. L-importanti li kull eżerċizzju jwassal biex flimkien bħala poplu nkomplu nterrqu biex dan il-pajjiż jitmexxa ‘l quddiem b’responsabbiltà u b’għaqal.
//= $special ?>