Internazzjonali

Jinqabdu uffiċjali militari tal-Iran fil-Jemen

Il-milizzji f’Aden, li hi waħda mill-ibliet ewlenin tal-Jemen, qalu li rnexxielhom jaqbdu żewġ uffiċjali militari tal-Iran li ‘kienu qed iservu bħala ‘konsulenti’ għar-ribelli Xiti tal-Houthi. Dawn ir-ribelli partikolari qed ikunu protagonisti f’konflitt qalil li kapaċi jibdel il-Jemen fi Stat fallut.

Ingħad li l-Iranjani nqabdu waqt ġlied aħrax matul il-lejl tal-Ġimgħa u l-Ħadd iżda l-Iran ċaħad bil-qawwi li qed jipprovdi l-appoġġ militari lill-ġellieda ‘Houthi’. Dan meta l-avvanzi tar-ribelli fil-Jemen wasslu għall-attakki mill-qawwiet tal-ajru ta’ koalizzjoni mmexxija mill-Għarabja Sawdija li qed tipprova telimina t-theddida (mir-ribelli) għar-reġjun.

F’każ ta’ konferma, il-preżenza taż-żewġ uffiċjali Iranjani fil-Jemen għandha żżid it-tensjoni bejn l-Iran u l-Għarabja Sawdija. Dan meta l-milizzji fil-Jemen qalu li ż-żewġ Iranjani ‘maqbuda’ – li ssemmew bħala ‘Kurunell’ u ‘Kaptan’ — huma membri ta’ taqsima elitista tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran.

L-aħħar rapporti qalu li l-Iranjani maqbuda qegħdin jinżammu f’post tas-sigurta u li l-Jemeni, ‘il quddiem, għandhom jgħadduhom lill-kapijiet tal-koalizzjoni taħt tmexxija Sawdija. Dan meta komplew l-attakki tal-qawwiet tal-ajru Sawdi fuq ir-ribelli ‘Houthi’ lejn in-Nofsinar tal-Jemen. Seħħew ukoll il-battalji tal-art ħorox bejn il-‘Houthi’ u l-qawwiet leali għall-Gvern tal-Jemen, fejn mietu numru sostanzjali ta’ ribelli.