Lokali

Jitneħħew żewġ Assistenti Kummissjonarji Elettorali fix-Xagħra

Żewġ Assistenti Kummissjonarji Elettorali fil-Post tal-Votazzjoni ġewwa x-Xagħra Għawdex tkeċċew wara inċident li seħħ u li fih, il-voti tal-Kunsill Lokali u dak tar-Referendum ta’ votant partikolari intefgħu fil-kaxxi żbaljati.

Il-votant, f’dan il-każ, tefa’ l-vot tal-Kunsill Lokali fil-kaxxa tar-Referendum, u l-vot tar-Referendum fil-kaxxa tal-Kunsill Lokali.

Normalment, f’każ bħal dan, l-Assistenti Kummissjonarji Elettorali ma jitkeċċewx, għaliex il-problema tiġi solvuta fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni. Madanakollu f’dan il-każ, il-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet li tibdel żewġ Assistenti Kummissjonarji Elettorali minn tlieta li kien hemm f’dan il-Post tal-Votazzjoni.