Lokali

Sitwazzjoni xejn sabiħa għall-cabin crew temporanju tal-Air Malta

L-Air Malta se tibda toffri xogħol b’kundizzjonijiet inferjuri għall-membri tal-cabin crew li jaħdmu fuq bażi temporanja.

Korrispondenza li kiseb maltarightnow.com tindika li minn issa ’l quddiem, l-impjiegi temporanji se jaqgħu taħt il-kumpanija Inspectra li ħadet kuntratt biex tipprovdi dawn il-ħaddiema lil-linja nazzjonali tal-ajru.

Bil-kundizzjonijiet il-ġodda, dawn il-membri tal-cabin crew part-time mhux se jkunu qed jitħallsu aktar b’rata doppja meta jaħdmu fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi, u wisq anqas għax-xiftijiet ta’ billejl.

Maltarightnow.com hu nfurmat wkoll li meta dawn il-ħaddiema jkunu fuq stand-by, mhux se jitħallsu. Il-paga b’dawn l-arranġamenti l-ġodda se tkun ta’ €6.70 kull siegħa u mhux €11 kif inhi preżentement.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-Air Malta qed iċċempel lil dawk kollha li fl-aħħar snin kienu impjegati fuq bażi part-time bħala parti mill-cabin crew biex toffrilhom xogħol mal-Inspectra.

Jirriżulta wkoll li nhar il-Ħamis l-Inspectra allegatament ċemplet lil dawn l-istess persuni biex tgħidilhom li kellhom ċans sa dakinhar biex japplikaw għal dawn l-impjiegi part-time. Jidher li sal-bieraħ, ħadd kien għadu ma ngħata kopja tal-kuntratt.

Persuni li bħalissa jaħdmu mal-Air Malta bħala membri tal-ekwipaġġ fuq bażi temporanja għandhom kuntratti li jiġġeddu kull erba’ xhur. Dawn il-ħaddiema, li jammontaw għal madwar ħamsin, qed jibżgħu li meta l-kuntratt preżenti jiskadi f’Ġunju li ġej, se jkunu offruti l-kundizzjonijiet il-ġodda tal-Inspectra.

“Se jgħidulna biex nieħdu dak il-kuntratt jew nitilqu,” stqarret magħna persuna li taħdem mal-Air Malta.

Jirriżulta li l-Ftehim Kollettiv tal-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru mhux se jkun jgħodd għal dawn il-part-timers tal-kuntrattur, avolja bħalissa anke l-part-timers huma koperti.

Il-ħaddiema huma inkwetati wkoll fuq il-fatt li issa se jitkisser il-kunċett ta’ pagi ugwali għal min jagħmel l-istess tip ta’ xogħol. Dan għaliex il-cabin crew tal-kuntrattur se jkunu qed jitħallsu b’rata inqas.