Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama qal lill-Mexxejja tal-Amerika Latina li spiċċa ż-żmien meta pajjiżu seta’ jindaħal mingħajr xkiel fl-affarijiet li jikkonċernaw ir-reġjun tagħhom.
Obama kien qed jitkellem qabel is-seba’ Summit tal-Americas organizzat fil-Belt tal-Panama. Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuh spikkat id-dehra tal-President Amerikan qed jieħu b’idejn il-Mexxej ta’ Kuba, Raul Castro.
Din, fil-fatt, kienet l-ewwel laqgħa taż-żewġ Mexxejja minn Diċembru ‘l hawn iżda s-sitwazzjoni ta’ tensjoni attwali bejn l-Istati Uniti u l-Veneżwela kellha l-potenzjal li titfa’ dell fuq it-taħditiet storiċi bejn Obama u Castro waqt is-summit.
Obama u Castro kellhom jiltaqgħu, matul il-jum, għall-ewwel laqgħa formali bejn il-Mexxejja tal-Istati Uniti u Kuba f’aktar minn 50 sena. Qabel il-bidu tas-summit, il-President Obama kien awgura li l-iżblokk fir-relazzjonijiet bilaterali jservi biex itejjeb il-ħajja tal-poplu ta’ Kuba.
//= $special ?>