Ambjent Lokali

Birdlife tgħid li r-riżultat ta’ dan ir-referendum huwa sejħa lil Gvern biex jiżdiedu ż-żoni fejn ma tistax issir kaċċa

Sfortunatament il-kaċċa fir-Rebbiegħa għadha magħna. Dan kien kliem il-President ta’ BirdLife Malta, Geoffrey Saliba, f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ membri mill-Kumitat tal-għaqda ambjentali.

Hu qal li minkejja r-riżultat negattiv tar-referendum, ir-riżultat ikompli jixhed ukoll il-fatt li għal Maltin u l-Għawdxin l-ambjent qed jingħata dejjem iktar prijorita’. Dan jidher mill-fatt li 49% tal-Maltin ivvutaw favur il-ħajja, favur l-ambjent u favur l-għasafar.

B’dan l-inkoraġġiment, il-BirdLife se tkompli bil-ħidma tagħha, tant li fil-ġimgħat li ġejjin se tniedi kampanja biex iżżid in-numru ta’ membri tagħha.

Il-President tal-BirdLife tkellem ukoll dwar il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn qal li ma jaqbilx ma’ Muscat meta dan qal li l-kaċċaturi li jiksru l-liġi huma biss proporzjon żgħir tal-kaċċaturi kollha. Lanqas ma jaqbel mal-kumment tal-Prim Ministru meta dan qal li bl-istaġun tal-kaċċa magħluq, il-kaċċa illegali xorta kienet se tkun l-istess.

Il-BirdLife ma tistax tbiddel il-pożizzjoni tagħha għax il-valuri tagħha jibqgħu l-istess. Hu qal li l-BirdLife qatt ma rat dan l-appoġġ qawwi mill-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk tkompli ttenni l-pożizzjoni tagħha li l-kaċċa fir-Rebbiegħa mhix sostennibli u li dan huwa l-aħħar ċans għall-kaċċaturi.

Tkellem ukoll Mark Sultana li fakkar kif ir-riżultat tal-elettorat kien affettwat minn diversi fatturi, fosthom l-argument “qarrieqi” li dan ir-referendum huwa l-bidu ta’ assedju kontra d-drittijiet tal-minoranzi. Sultana semma’ wkoll l-effett ta’ “kurrenti politiċi” u ma jeskludix li kien hemm għajnuna diretta minn ċertu partiti biex inkiseb dan il-vot.

Minn hawn ‘il quddiem, BirdLife Malta se tkun qed tkompli bil-ħidma tagħha biex teduka lil pubbliku Malti dwar l-għasafar, filwaqt li jkompli jsegwi s-sostenibilita’ tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Mistoqsi minn dan il-ġurnal, il-President tal-BirdLife qal li huwa prematur ħafna li l-BirdLife tikkunsidra xi referendum ieħor, għalkemm talbet lil Gvern biex jieħu r-riżultat ta’ dan ir-referendum bħala sejħa biex jiżdiedu ż-żoni f’Malta fejn il-kaċċa mhix permessa.

Nofs l-elettorat Malti qed jistenna ħafna mingħand il-Gvern, tenniet il-BirdLife. L-illegalitajiet għandhom jonqsu u l-Prim Ministru għandu jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa jekk ikun hemm irregolaritajiet, kif wiegħed fil-konferenza tal-aħbarijiet.