Lokali

“Dan kien l-aħħar ċans għall-kaċċaturi”

L-eżitu tar-referendum ta’ nhar is-Sibt, dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, huwa wieħed ċar: il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi, inkluż jien, se nagħtu ċans biex il-kaċċaturi jimxu mal-liġi u jippratikaw il-kaċċa fir-Rebbiegħa. Dan kien l-aħħar ċans għall-kaċċaturi.

Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’konferenza stampa lbieraħ f’Kastilja, fejn wissa lil kaċċaturi biex jimxu mal-liġi.

Il-Prim Ministru qal li għalkemm kien hemm vot iktar qawwi favur il-kaċċa milli kontra, il-maġġoranza hija waħda żgħira, bi ftit eluf jiddeterminaw ir-riżultat tar-referendum.

Hu qal li b’riżultat tar-rebħa tal-Iva, nhar it-Tlieta il-Gvern, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa. Kull min se jinqabad jikkaċċja qabel ma jinfetaħ l-istaġun se jkun magħdud bħala kriminal, għax se jkun qed jagħmel dan b’mod illegali.

Il-Prim Ministru qal ukoll li se jkompli jtejjeb l-infurzar, mhux biss billi jinvolvi lil Korp tal-Pulizija u l-Forzi tal-Armata, iżda fuq kollox billi l-kaċċaturi jkollhom il-maturita’ li jirrappurtaw lil dawk kollha li qed iwettqu l-irregolaritajiet.

Il-kaċċaturi, qatt fl-istorja ta’ Malta, ma kienu daqshekk qrib li jitilfu ċ-ċans li jikkaċjaw fir-Rebbiegħa. Dan ir-riżultat kien wieħed qrib wisq, u jkompli jikkonferma l-bżonn li r-regoli tal-kaċċa jkunu enforzati u rispettati. Il-kaċċaturi, b’dan ir-riżultat, tenna l-Prim Ministru, daħħlu f’qoxorthom, u għandhom jfittxu li jikxfu lil min jabbuża. Joseph Muscat qal li issa spiċċa ż-żmien li l-għaqdiet tal-kaċċa ma jikkoperawx mal-Gvern meta jkun qed ifittex lil dawn il-kriminali.

Filwaqt li tenna li l-kaċċaturi maturi u serji issa għandhom responsabbilta’ ikbar, il-Prim Ministru wissa li lest li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa, bħal ma għamel diġa’. Hu tkellem ukoll dwar il-messaġġ li dan ir-referendum għandu jwassal lil kull entita’ li għandha x’taqsam mal-politika f’Malta: kemm il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-ambjentalisti, il-kaċċaturi u l-mezzi tax-xandir.

Il-messaġġ lil ambjentalisti huwa wkoll wieħed ċar: hemm sezzjoni kbira tal-poplu li mhux trid abolizzjoni imma kontroll. Hemm ukoll il-bżonn ta’ iktar djalogu.

Fi tmiem il-konferenza stampa, il-Prim Ministru ċaħad li l-Partit Laburista bagħat xi messaġġi lin-nies biex joħorġu jivvutaw ħalli jkunu “bħal Mexxej tagħhom”, filwaqt li qal li kieku kellu jikkampanja favur l-Iva, ir-riżultat tar-referendum kien ikun differenti.

Hu tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li l-għadd tal-voti dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsir nhar is-Sibt li ġej, fejn spjega li din ma kinitx deċiżjoni tal-Gvern imma deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali, li ttieħdet ukoll fid-dawl li s-Sibt hija l-ewwel ġurnata li fiha l-voluntiera tal-partiti politiċi jistgħu jagħtu sehemhom fl-iskrutinju tal-għadd tal-voti mingħajr detriment għax-xogħol tagħhom ta’ matul il-ġimgħa.