Lokali

Maqbuda tnejn u għoxrin kilogramma ta’ raza tal-kannabis

Madwar tnejn u għoxrin kilogramma ta’ dik li hi suspettata raza tal-kannabis inqabdu l-ġimgħa filgħaxija wara ġimgħat t’investigazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Is-sustanza nstabet wara li kien arrestat raġel ta’ 37 sena hekk kif kien ħiereġ mill-inħawi ta’ Dellimara, limiti ta’ Marsaxlokk, wara li kien osservat jiġbor xi ħaġa mix-xatt.

Fil-fatt, waqt tfittxija li saret fil-vettura tas-suspettat instabu żewġ pakketti mdaqqsa li kien fihom blokkok kannella.

Wara aktar stħarriġ, l-bieraħ, kien arrestat ukoll raġel ieħor ta’ 31 sena b’konnessjoni mas-sejba.

Dawn iż-żewġt irġiel mistennija jitressqu l-qorti għada.

Aktar stħarriġ, madankollu, għadu għaddej filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale.