Internazzjonali Knisja

Rabja tat-Turkija lejn il-Papa

It-Turkija sejħet għall-Ambaxxatur tal-Vatikan wara li l-Papa Franġisku wża l-kelma “ġenoċidju” biex jiddeskrivi l-qtil bil-massa ta’ Insara Armeni mit-Torok 100 sena ilu.
Hu stmat li mal-1.5 miljun Armen kienu nqatlu mit-Torok fl-1915 imma t-Turkija dejjem ċaħdet li dan kien ġenoċidju u ma taċċettax li tintuża din il-kelma kif ukoll iċ-ċifra tal-vittmi.
Il-Papa għamel dawn il-kummenti hekk kif kien qed imexxi quddiesa fejn preżenti fost l-oħrajn kien hemm il-President tal-Armejna. Hawn hu qal li din kienet waħda mill-ikbar traġedja tal-20 Seklu flimkien man-Naziżmu s-Staliniżmu. Hu iżda anki ħeġġeġ ir-rikonċiljazzjoni bejn l-Armeni u t-Torok.
Il-Papa qal li anki llum il-ġurnata kien qed isir ġenoċidju b’referiment għal dak li għadejjin minnu l-Insara fil-Lvant Nofsani quddiem indifferenza ta’ ħafna u fejn l-għajta ta’ dawk fil-mira qed tkun injorata minn ħafna.