Internazzjonali

Tibda l-ħidma biex tkun l-ewwel mara President

Ftit sigħat wara li ħabbret li kienet se tikkontesta l-elezzjoni presidenzjali tal-2016, Hillary Clinton bdiet il-ħidma biex tirbaħ in-nomina tal-Partit Demokratiku. Dan billi tat bidu għal żjara f’dawk l-istati Amerikani li huma importanti fl-elezzjoni, kemm għan-nomina tal-partit, kif ukoll għall-elezzjoni ta’ President.
L-ewwel waqfa tagħha se tkun f’Iowa, fejn se tiltaqa’ ma’ grupp żgħir ta’ nies.
Qabel ma tkun tista’ tikkontesta l-elezzjoni f’Novembru tal-2016, Clinton trid tirbaħ sensiela ta’ elezzjonijiet organizzati mill-Partit Demokratiku f’diversi stati Amerikani.
Hi kienet ikkontestat in-nomina tal-Partit Demokratiku fl-2008 imma din kienet intrebħet minn Barack Obama.
Clinton se tqatta’ l-ġimgħat li ġejjin issaħħaħ l-appoġġ fost l-għeruq tal-partit f’dawk l-istati Amerikani fejn isiru l-ewwel elezzjonijiet tal-Partit Demokratiku. F’nofs Mejju mbagħad mistennija tagħti bidu uffiċjalment għall-kampanja. L-ewwel waqfa se tkun f’Iowa f’dak li qed jissejjaħ “listening tour” fejn hi se titkellem f’laqgħat ma’ gruppi żgħar.
Fil-messaġġ li fih ħabbret li se tikkontesta, hi qalet li riedet issaħħaħ il-klassi medja Amerikana u terġa’ tagħti tama lill-poplu Amerikan.
Clinton, li għandha 67 sena, diġà għandha l-appoġġ ta’ Obama, li ma jistax jerġa’ jikkontesta peress li serva l-massimu ta’ żewġ mandati. Is-Sibt, Obama qal li jemmen li Clinton tkun “President eċċellenti”.
Illum kien mistenni li s-Senatur Repubblikan Marco Rubio jħabbar li kien se jipprova jikseb il-kandidatura tal-Partit Repubblikan. Jeb Bush indika li s’issa ma ddeċidiex x’se jagħmel u l-indikazzjonijiet huma li hu se jħabbar x’se jagħmel fis-sajf.