Internazzjonali

Ambaxxati fil-mira fi Tripli

Bejn il-Ħadd u t-Tnejn żewġ ambaxxati fil-belt kapitali Libjana Tripli spiċċaw fil-mira tal-attakki.
L-attakk tal-Ħadd sar fuq l-ambaxxata tal-Korea t’Isfel filwaqt li kmieni t-Tnejn fil-mira spiċċat l-ambaxxata tal-Marokk.
Fl-attakk tal-Ħadd inqatlu żewġ għassiesa Libjani li kien hemm mal-bini. Dan seħħ wara li nfetaħ in-nar minn karozza. Kien hemm għassies ieħor li spiċċa midrub. L-ambaxxata Koreana teknikament hi magħluqa imma hemm tliet uffiċjali Koreani li għadhom fuq xogħol fil-pajjiż. Dawn ma kinux fil-bini meta seħħ l-attentat.
Skont messaġġi li tpoġġew fuq l-internet, l-attakk twettaq mill-ISIS għaliex l-ambaxxata Koreana kienet qed isservi ta’ spjun għall-Istati Uniti.
Min-naħa l-oħra, l-attakk tat-Tnejn fuq l-ambaxxata Marokkina sar permezz ta’ bomba li tħalliet mal-kanċell. F’dan l-attakk ma kien hemm ħadd li ndarab u l-ambaxxata bħalissa mhix qed tintuża.