Lokali

FILMAT: “Għandi dritt nesprimi l-opinjoni editorjali” – Saviour Balzan

Kumment pastaż – hekk ġiet deskritta r-referenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat għall-midja indipendenti, biex tagħmel il-kontijiet tagħha, waqt ir-reazzjoni tiegħu għar-riżultat dwar ir-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-gazzetti bl-Ingliż kienu ħadu pożizzjoni editorjali kommuni favur li l-poplu jivvota sabiex tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-kumment ta’ Muscat xejn ma’ niżel tajjeb ma’ Saviour Balzan, editur tal-ġurnal Maltatoday u kelliem ewlieni tal-kampanja SHOUT. Waqt il-programm Newsfeed li xxandar ilbieraħ, Saviour Balzan iddeskriva dan il-kumment tal-Prim MInistru bħala wieħed pastaż. Hu tenna li għandu d-dritt li jesprimi l-opinjoni editorjali tiegħu.

Dwar l-effett tar-riżultat elettorali fuq il-gazzetti bl-Ingliż tkellem ukoll Fr. Joe Borg, li hu espert fil-qasam tax-xandir. Fr Joe Borg qal li r-riżultat tal-bieraħ wera li filwaqt li l-media għandha s-saħħa u kredibilita’ meta tiġi biex tinforma iżda ma tagħmilx daqshekk effett meta tipprova tbiddel drawwiet li ilhom is-snin u l-infuwenza tagħhom fuq qraba u ħbieb.

L-opinjonisti tkellmu wkoll dwar l-imbottatura indiretta li saret mill-Partit Laburista favur vot IVA fl-aħħar jiem tal-kampanja elettorali u kif minkejja l-istqarrijiet tal-mexxejja tal-partiti, kważi nofs il-popolazzjoni li vvotat, marret kontra l-preferenza tal-mexxejja politiċi.