Inħareġ mandat ta’ arrest għal omm Amerikana wara li abbandunat lit-tifel tagħha, li għandu 21 sena u li għandu diżabbiltà serja, biex tmur tiddeverti mal-għarus tagħha.
Il-każ seħħ f’Philadelphia, fejn Nyia Parler (ritratt), ta’ 41 sena, abbandunat lit-tifel tagħha, li fost affarijiet oħra, ibati b’cerebral palsy u ma jistax jitkellem, u ħallietu mixħut mal-art fuq gverta, bis-siġġu tar-roti ħdejh u Bibbja f’tarf foresta f’Cobbs Creek Park għal madwar ħamest ijiem. Iż-żagħżugħ intlemaħ minn persuna li kienet għaddejja f’dawk l-inħawi.
Il-post fejn kien abbandunat iż-żagħżugħ hu qrib il-post fejn kien jgħix ma’ ommu. Ġurnata wara li abbandunatu, l-omm kitbet messaġġ fuq Facebook u stqarret kemm kienet “ferħana”, flimkien ma’ ritratt tal-għarus tagħha.
Il-Pulizija qalu li t-tifel, minħabba d-diżabbiltà li għandu, ma setax jiċċaqlaq u kien espost għall-elementi, b’mod partikulari l-umdità kbira, minbarra li lanqas kellu x’jixrob jew x’jiekol u kien espost għall-periklu mill-annimali salvaġ fl-inħawi. Il-Pulizija qalu li hu għex għax kellu jgħix.
Jirriżulta wkoll li meta l-iskola tat-tifel ċemplet lill-omm biex tara għaliex hu ma kienx qed jattendi, din qalet li hu kien magħha filwaqt li lill-għarus tagħha qaltlu li kienet ħallietu ma’ xi qraba.
It-tifel issa jinsab rikoverat l-isptar minħabba n-nuqqas ta’ ikel u ilma, u minħabba l-kesħa li kien fiha, kif ukoll minħabba xi feriti li għandu, iżda qed jirkupra.
Skont rapporti fil-media Amerikana, żewġ zijiet tat-tifel kienu ilhom snin jiġġieldu biex ikollhom il-kustodja tat-tifel imma kien għalxejn.
FL-ISTATI UNITI: Abbandunat fil-foresta biex ommu tmur tiddeverti
