Kunsilli Lokali Lokali

Ian Borg: ma jiċħadx il-poblemi li ħalla warajh fil-KL ta’ Ħad-Dingli

Is-Segretarju Parlamentari u eks-Sindku ta’ Ħad-Dingli Ian Borg, f’ittra li bagħat lir-residenti tal-lokalita’ ma ċaħadx li kunsill lokali mmexxi minnu ħalla problemi kbar għall-amministrazzjoni mmexxija mis-Sindku Venera Micallef.

Ian Borg bagħat ittra lir-residenti Dinglin lejliet il-ġurnata tas-silenzju, l-għada li dan is-sit irraporta kif is-Sindku Laburista Venera Micallef, li ħadet it-tmexxija tal-lokal wara li Ian Borg laħaq Segretarju Parlamentari, sabet ma’ wiċċha dejn ta’ €200,000.

Somma sostanzjali minn dan id-dejn hi kawża ta’ pagamenti li Ian Borg rabat lill-amministrazzjonijiet tat-tmien snin ta’ warajh bihom.

Dan wassal biex il-manutenzjoni fil-lokalita’ hi kważi ineżistenti, b’postijiet bħal Ġnien il-Ħaddiem li llum jinsab abbandunat u mitluq.

Ian Borg saħansitra rabat lill-kunsill bi ħlas għal xogħlijiet ta’ bankini li saru fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali bi ksur ta’ kuntratt li kien hemm bejn il-kunsill u l-MEPA.

Wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-kunsill lokali sab ukoll ħafna irċevuti akkumulati, fosthom ta’ servizzi li baqgħu ma tħallsux għal snin twal.

Fost dawn, l-operatur li kien joffri s-servizz ta’ bulky refuse filfatt bagħat irċevuti ta’ tliet snin.

Imma minflok ta risposta lir-residenti u spjega kif matul it-tmexxija tiegħu ħalla dawn il-problemi kollha, fl-ittra tiegħu Ian Borg infexx jattakka lill-Partit Nazzjonalista.

U minkejja li attakka lil dan l-istazzjon għax skont hu gdibna, ma spjegax liem hu l-gideb li akkuża bih. Anzi qal li min ikun fil-Kunsill Lokali jrid jieħu ħsieb u jagħmel għażliet tajba.

Imma kuntrarju għal kliem Ian Borg, amministrazzjoni ġdida issa trid tara kif se twettaq il-wegħdiet li saru lid-Dinglin, fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli li għadu jinsab fiha l-Kunsill Lokali.