Mara Ġermaniża ta’ 65 sena se ssir l-ixjeħ persuna li qatt welldet quadruplets – erba’ trabi fl-istess ħin.
Annegret Raunigk, minn Berlin, diġà għandha 13-il tifel u tifla, u din l-aħħar tqala hi riżultat ta’ trattament tal-IVF. Hi kienet stqarret li riedet toħroġ tqila wara li l-iżgħar tifla tagħha, tifla ta’ disa’ snin, qalet li riedet li jkollha aħwa iżgħar minnha.
Raunigk bħalissa tinsab fil-21 ġimgħa tat-tqala u ammettiet li nħasdet meta saret taf li kienet tqila’ b’erbat itfal.
Raunigk, li tgħallem ir-Russu u l-Ingliż, din is-sena se tirtira bil-pensjoni u qalet li mhix qed tistenna li jkollha problemi sakemm tibqa’ b’saħħitha.
Hi għandha 13-il tifel u tifla minn ħames missirijiet differenti, u l-ikbar wild għandu 44 sena.
Hu maħsub li l-ixjeħ omm fid-dinja hi Rajo Devi Lohan, fl-Indja, li welldet tifla meta kellha 69 sena, fir-raħal ta’ Hissar.
IL-ĠERMANJA: Ta’ 65 sena se twelled quadruplets
