Lokali Parlament

Il-Pulizija għadhom bla risposta mill-Gvern

Il-Pulizija għadhom bla risposta mill-Gvern issa li għaddew aktar minn sentejn u xahar ta’ dan il-Gvern li wiegħed li se jagħti l-miljun ewro f’arretrati ta’ sahra dovuti lill-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, kien mistoqsi fil-Parlament mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, jgħid jekk kellux laqgħat mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija u jekk iva, meta saru laqgħat dwar il-miljun ewro f’arretrati ta’ sahra li kellhom jieħdu l-Pulizija.

Il-Ministru Carmelo Abela ma weġibx din il-mistoqsija parlamentari u minflok staqsa kif ix-Shadow Minister wasal għal din iċ-ċifra ta’ miljun ewro.

Il-Ministru Abela qal f’risposta oħra li ta lix-Shadow Minister Jason Azzopardi, li d-diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin dwar l-oġġezzjoni tal-Assoċjazzjoni għall-addendum li jneħħi l-awtonomija tal-Korp, u li dwaru għamlet protest ġudizzjarju fil-Qorti f’Novembru tas-sena l-oħra.