Stħarriġ li sar mill-European Business Awards, fost numru ta’ negozji ewlenin minn 32 pajjiż Ewropew, inkluż Malta, juri appoġġ qawwi għall-UE.
84% tal-mexxejja tan-negozji Ewropej jemmnu li s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE għandha impatt pożittiv fuq in-negozju tagħhom; 83% wieġbu li għandha impatt pożittiv fuq pajjiżhom u 79% qalu li s-sħubija għandha impatt pożittiv fuqhom personali. Barra minn hekk, 67% jemmnu li għandhom sehem x’jagħtu biex jippromwovu l-UE mal-popolazzjoni aktar wiesgħa ta’ pajjiżhom.
L-għanijiet ewlenin mogħtija favur l-UE kienu l-vantaġġi ekonomiċi tas-sħubija, il-pożizzjoni kompetittiva li għandha l-Ewropa magħquda kontra ċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti, u l-importazzjoni tal-integrazzjoni, l-istabilità u l-unità fis-sitwazzjoni attwali. L-ispejjeż u l-burokrazija ssemmew minn numru żgħir ta’ dawk li wieġbu.
Adrian Tripp, il-Kap Eżekuttiv tal-European Business Awards, qal li, “Dawn ir-riżultati b’saħħithom jixhdu li għall-komunità Ewropea tan-negozji, l-argument fuq l-UE hu ċar: il-benefiċċji jissuperaw l-ispejjeż. Mill-perspettiva tan-negozji, in-nies jaraw il-valur fl-opportunitajiet kummerċjali; minn perspettiva aktar wiesgħa, kollox idur mal-istabilità u l-integrazzjoni.”
L-istħarriġ li sar mill-akbar kompetitur tan-negozji fl-Ewropa, li issa daħal fid-disa’ sena tiegħu, u li ilu appoġġjat mill-RSM sa minn mindu beda jsir, staqsa wkoll lill-mexxejja tan-negozji jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ msieħeb fl-UE.
Ir-riżultati juru li 86% tal-mexxejja Ewropej tan-negozji* jaħsbu li r-Renju Unit għandu jibqa’ fl-UE. 11% huma tal-fehma li għandu joħroġ. L-istħarriġ jindika wkoll li l-maġġoranza temmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jkollu impatt negattiv fuq dawk kollha konċernati.
84% tal-mexxejja tan-negozji jemmnu li jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE jkun hemm impatt negattiv fuq l-UE nnifisha, 76% jaħsbu li jkun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija tar-Renju Unit, u 67% wrew tħassib li jkun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżhom.
25% ta’ dawk li wieġbu li r-Renju Unit għandu jibqa’ fl-UE kienu mir-Renju Unit stess.
Jean Stephens, il-Kap Eżekuttiv tal-RSM, is-seba’ l-akbar netwerk ta’ kumpaniji indipendenti tal-awditjar, it-taxxa u l-konsulenza marbuta magħhom qal li, “Iż-żona ewro hi l-akbar imsieħba tan-negozji tar-Renju Unit u l-impatt potenzjali li jkun hemm jekk dan joħroġ mill-UE jkun ferm sinifikanti għall-klijenti tagħna madwar id-dinja. L-istħarriġ juri ċar li l-mexxejja tan-negozji Ewropej u tar-Renju Unit iħossu, b’mod b’saħħtu, li l-Ewropa għandha żżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha fis-suq globali u li s-sħubija tar-Renju Unit hi kruċjali biex dan jibqa’ fis-seħħ.”
//= $special ?>