Lokali

Is-Seba’ edizzjoni tal-Festival Medjevali tal-Imdina

Għas-seba’ sena konsekuttiva, se tittella’ edizzjoni oħra tal-festival medjevali tal-Imdina. Appuntament annwali li kull ma jmur jiġbed iktar interess, kemm mill-Maltin kif ukoll it-turisti.
Bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej, se jittellgħu diversi attivitajiet fit-toroq u l-pjazez tal-Imdina li jinkludu re-enactments minn gruppi barranin u lokali, mużika medjevali, sbandieratori, illużjonisti, falkunerija u tjur tal-priza, suq u kċina medjevali u żona tat-tfal.

Matul dan il-festival, għal darb’oħra organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Imdina, diversi gruppi u atturi se jkunu qegħdin jesibixxu fit-toroq u pjazez tal-Imdina battalji, ġlied bix-xwabel, re-enactments ta’ xeni medjevali bħal bandu, suq tal-iskjavi, sparar bil-qaws, parati u mużika.

L-Attrazzjonijiet turistiċi u l-istabbilimenti tal-Imdina se jkunu qed jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom u joffru roħs fil-prezzijiet tad-dħul. Minbarra l-bankarelli tal-ikel u xorb, numru ta’ ristoranti se jkunu qegħdin joffru ikel medjevali fil-menu tagħhom matul dawn il-ġranet.

Numru ta’ kappelli u postijiet ta’ interess oħrajn se jospitaw wirjiet dwar il-wirt akitettoniku tal-Imdina.