BALZAN………………4
ŻEBBUĠ R………….. 1
Balzan: C. Cassar, J. Grioli (S. Arab 38’), S. Bezzina, E. Serrano, C. Brincat, I. Guobadia, L. Sciberras (T. Agius 77’), D. Grima, L. Micallef (J. Mifsud Triganza 77’), B. Kaljevic, G. Piccioni
Żebbuġ R.: J. Farrugia, J. Borg, D. Reano, Y. Camilleri, L. Galea, P. Barbetti (M. Britto 73’), T. Paris (M. Ciantar 56’), K. Zammit (M. Bartolo 86’), M. Muchardi, C. Monti, R. Yussuff
Skorjaw: M. Muchardi 10’ (Ż); E. Serrano 12’, B. Kaljevic 17’, D. Grima 28’, J. Mifsud Triganza (B)
Imwissija: P. Barbetti, D. Reano (Ż)
Referee: Marco Borg
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: B. Kaljevic
Bojan Kaljevic reġa’ spikka għal Balzan u għenhom jiksbu r-raba’ rebħa konsekuttiva, li biha tbiegħdu b’erba’ punti minn Floriana u saħħew ir-raba’ post tant mixtieq; l-ogħla pożizzjoni qatt miksuba fl-istorja tal-klabb. Din kienet ukoll is-sitt telfa konsekuttiva għal Żebbuġ Rangers li kompliet tikkumplikalhom id-destin tagħhom fi tmiem il-kampjonat.
Il-kowċ ta’ Balzan Oliver Spiteri ma setax jutilizza żewġ plejers essenzjali fl-iskwadra: Edison Zarate u Oscar Guerrero li huma mweġġgħin, iżda l-forma ta’ Kaljevic u l-prestazzjonijiet pożittivi ta’ Dylan Grima u Lydon Micallef pattew għal dawn in-nuqqasijiet.
Żebbuġ lagħbu l-ewwel għaxar minuti sa ma fetħu l-iskor, iżda mbagħad ħallew lil Balzan jagħmlu li jridu, liema prestazzjoni reġgħet fakkritna fil-wirjiet taż-Żebbuġin fl-ewwel parti tal-kampjonat qabel il-miġja tal-kowċ Alfonso Greco.
Żebbuġ fetħu l-iskor wara għaxar minuti meta Borg bena azzjoni tajba u ta kross lejn MATIAS MUCHARDI li kkontrolla tajjeb, evita lill-gowlkiper Cassar u skorja mill-viċin.
Balzan ma nħasdux u sa inqas minn għaxar minuti wara kienu diġà laħqu u għaddew lill-avversarji. Fit-12-il minuta minn korner ta’ Grima, ELKIN SERRANO kien qabel kulħadd u bir-ras tefa’ fir-rokna tax-xibka.
Wara li laqtu l-lasta minn xutt minn barra l-kaxxa ta’ Piccioni, fit-18-il minuta, minn azzjoni mibdija mit-Taljan, Micallef kompla lejn BOJAN KALJEVIC li għadda l-ballun minn taħt il-gowlkiper Farrugia.
Balzan ħadu l-logħba f’idejhom u wara kważi nofs siegħa żiedu ieħor, meta Micallef seraq ballun mingħand id-difiża Żebbuġija, ta kross lil DYLAN GRIMA li xxamplat waħdu fil-kaxxa ż-żgħira b’xutt mill-ewwel ma setax ifalli, biex l-ewwel taqsima ntemmet 3-1.
Matul it-tieni taqsima, Żebbuġ ħallew il-logħba f’idejn l-avversarji li setgħu ħarġu b’rebħa ferm ikbar u ħolqu diversi azzjonijiet speċjalment minn Kaljevic u Piccioni.
Sitt minuti mit-tmiem, is-sostitut JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA rritorna għall-gowl wara nuqqas ta’ tliet xhur, meta kkontrolla tajjeb il-kross ta’ Kaljevic u skorja mill-viċin ir-raba’ gowl Balzani.
//= $special ?>