Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jkun qed jorganizza l-ewwel edizzjoni ta’ Valletta Sports Awards. Din se tkun serata ta’ premjazzjoni li se ssir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju fi Pjazza Teatru Rjal u se tkun qed tonora l-aqwa tal-iSport Belti matul is-sena 2014.
“F’din il-leġislatura, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jaħdem bis-sħiħ sabiex jagħti l-importanza li hemm bżonn lill-għaqdiet sportivi fil-lokalità tagħna. Il-mira tagħna hija li nkomplu nxettlu kultura sportiva u nwessgħu l-parteċipazzjoni tar-residenti Beltin fl-isport. Bħala Kunsill Lokali nemnu li l-isport għal kulħadd huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa fiżika u mentali tal-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll huwa ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-karattru taż-żgħażagħ tagħna,” tenna l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef.
Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ħass il-ħtieġa li minn din is-sena jibda jagħti rikkonoxximent lil dawk kollha li jaħdmu sabiex ikabbru l-kultura sportiva fil-Belt Kapitali. Micallef, li hu l-moħħ wara din l-inizjattiva, saħaq fuq l-importanza li l-Kunsill Lokali jaħdem bis-sħiħ biex jippremja lil min qed jagħmel isem fl-iSport għall-Belt Valletta. “Bħala Kunsill Lokali nemmnu li l-isport jgħaqqad lill-Beltin kollha għalhekk qed naħdmu biex inkattru u nsaħħu l-għaqda fil-lokalità permezz ta’ attivitajiet sportivi bħal dawn,” żied jgħid Micallef.
Preżentament il-Kunsill Lokali qed jilqa’ nominazzjonijiet f’kategoriji differenti. Dawn huma:
o L-aħjar Sportiv
o L-aħjar Sportiva
o L-aħjar Tim
o L-aħjar Amminstratur (membru ta’ kumitat)
o L-aħjar Uffiċjal (referee)
o L-aħjar Talent taħt il-21 sena
o L-aħjar Talent taħt is-16-il sena
o Unur għall-kontribut fl-iżvilupp tal-isport fil-Belt matul is-sena
o Unur kontribut fis-settur tad-dilettanti fil-Belt matul is-sena
o Unur għall-aħjar organiżazzjoni ta’ attivita’ sportiva
In-nominazzjonijiet infetħu fil-bidu tax-xahar ta’ April u se jibqgħu miftuħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, preċiżament sa nhar il-Ħamis 30 t’April. In-nominazzjonijiet għandhom jiġu fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali li jinsab 31, Triq Nofs in-Nhar, il-Belt Valletta jew billi jintbgħatu b’e-mail lill-Viċi Sindku u Chairman tal-Kumitat Organiżżativ tal-Valletta Sports Awards, Christian Micallef fuq micallef_christian@yahoo.co.uk . Kull nomina li tintbgħat b’e-mail se tkun qed tiġi rikonoxxuta b’e-mail oħra bħala konferma tas-sottomissjoni li tkun saret.
Jistgħu jkunu nominati kull min hu mgħammed f’waħda mill-Knejjes tal-Belt Valletta jew jgħix il-Belt Valletta jew għex għal tal-anqas sena fil-lokalità. F’każ ta’ tim sport, jistgħu jkunu nominati sportivi li m’humiex mill-Belt Valletta li iżda matul l-2014 irrapreżentaw klabb Belti jew sportiv li hu mgħammed jew jgħix il-Belt Valletta, jew għex il-Belt Valletta għal tal-anqas sena iżda ma jilgħabx ma’ klabb Belti. In-nominazzjonijiet jistgħu jsiru mill-għaqdiet sportivi jew għaqdiet oħra Beltin, mir-residenti Beltin, mill-individwu stess jew mill-Kumitat Organiżżativ tal-Valletta Sports Awards.
Wara li jsiru n-nominazzjonijiet f’kull kategorija, il-Kumitat Organiżżativ jiddeċidi min għandhom ikunu l-finalisti f’kull kategorija. Fis-serata finali, ir-rebbieħ f’kull kategorija jintgħażel minn board apposta tal-għażla, immexxi mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Charles Camenzuli u magħmul minn ġurnalisti sportivi li b’ebda mod m’għandhom x’jaqsmu mal-Belt Valletta.
Għal aktar informazzjoni dwar Valletta Sports Awards wieħed jista’ jżur il-paġna fuq Facebook jew ċempel fuq +356 99462078.
//= $special ?>