Kurżitajiet Lokali Xjenza u Teknoloġija

L-iktar Marzu mriegħed f’64 sena

Il-kesha u x-xita mhux tas-soltu fix-xahar ta’ Marzu żgur li kienu fuq fomm kulħadd, u issa, ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, jikkonfermaw dan u juru li x-xahar ta’ Marzu kien differenti minn kull Marzu ieħor fl-aħħar 64 sena!

Filfatt, Marzu ta’ din is-sena kien reġistrat bħala l-iktar Marzu f’64 sena li kellu ragħad, b’ragħad f’sitt ijiem differenti – erba’ darbiet iktar mill-medja fl-aħħar 64 sena.

Qabel Marzu li għadda, kien biss fl-1951 li x-xahar ta’ Marzu rreġistra l-ikbar ammont ta’ ragħad.

Iċ-ċifri juru wkoll li Marzu li għadda kien wieħed b’aktar riħ, xita u sħab griż mis-soltu, filwaqt li t-temperatura medja kienet ta’ 0.3 gradi celcius inqas min-normal. L-għola temperatura f’Marzu li għadda telgħet għal 19.6 gradi, filwaqt li l-inqas temperatura niżlet għal 12.7 gradi celcius.

Ix-xahar li għadda, Malta rat kważi d-doppju ta’ xita mis-soltu, b’total ta’ 64 millimetru ta’ xita, li jikkumpara mal-medja ta’ 37 millimetru ta’ xita f’Marzu tas-snin ta’ qabel. L-iktar ġurnata li fiha niżlet xita kienet is-26 ta’ Marzu.

It-temp mhux tas-soltu f’Marzu li għadda, wassal ukoll biex l-Uffiċju Meterjoloġiku kellu joħroġ total ta’ 37 twissija, 20 minnhom diretti għall-pubbliku. Is-sbatax l-oħra kienu diretti għall-Ajruport għal skopijiet ta’ avjazzjon.

Ritratt: Arkivji