Il-President tal-FKNK Joe Perici Calascione ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan hu l-aħħar ċans għall-kaċċaturi, u jekk jitilfuh jingħalaq l-istaġun.
Stqarr dan l-istess Perici Calascione waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-għada tar-riżultat tar-referendum favur il-kaċċaturi, u lejliet il-ftuħ tal-istaġun tar-Rebbiegħa.
Għal darb’oħra Perici Calascione tenna li hu ma jaqbilx mal-għeluq tal-istaġun minħabba li waħdiet ikunu wettqu illegalitajiet.
Kompla li se jkun qed jiltaqa’ mal-Prim Ministru biex jifhem il-kummenti tiegħu għaliex qal li ma jagħmilx sens li fl-istess waqt li l-kaċċaturi huma mħeġġa jirrapurtaw l-illegalitajiet, fl-istess ħin huma mhedda li jekk jagħmlu dan jitilfu d-dritt tal-kaċċa.
Hu wissa’ lill-kaċċaturi li l-FKNK mhux se tittollera illegalitajiet, anzi l-federazzjoni se ssaħħaħ il-policies tagħha. Filfatt fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija biex ikun hemm iktar kooperazzjoni.
Fost l-oħrajn semma’ li l-FKNK tixtieq li l-Kummissarju tal-Pulizija jeżerċita d-dritt li ma joħroġx liċenzja lil kaċċaturi li jkunu tkeċċew minn għaqda tal-kaċċaturi minħabba illegalitajiet, imma jsibu kenn f’għaqdiet oħra.
“Ir-riżultat hu messaġġ u l-kaċċatur illum jaf li jekk ma jirrapurtax illum, ikun qed jirriskja li għada jkun hu stess li ma joħroġx jikkaċċja,” saħaq Perici Calascione, li għamilha ċara li l-kaċċaturi mhux se jħallu lil min ikisser dak li nkiseb f’dan ir-referendum.
Imma Perici Calascione kellu wkoll messaġġ lil dawk li ma jaqblux mal-kaċċa, u qal li bħalma l-kaċċaturi huma mwissija ma jiksrux il-liġi, ħaddieħor m’għandux dritt jipprovoka.
U filwaqt li tkellem dwar ir-riżultat tar-referendum, fejn 50.4% vvutaw favur li tinżamm id-deroga tal-kaċċa fir-Rebbiegħa, Perici Calascione qal li fil-verita’ huma biss 36% li huma kontra l-kaċċa. Dan għaliex skont hu, dawk li ma ħarġux jivvutaw jixhdu nies li m’għandom xejn kontra dan id-delizzju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia appella lill-Parlamentari biex jiddiskutu l-liġi tar-referendum biex liġi bħal din ma terġax tintuża biex tinqered minoranza.
Filwaqt li fakkar li l-FKNK kienet ġabret eluf ta’ firem kontra li jsir dan ir-referendum, qal li l-liġi fiha numru ta’ affarijiet mhux ġusti bħal pereżempju li petizzjoni tista’ tibqa’ tinġabar għal żmien mhux limitat.
Ma’ dan l-argument kompla Perici Calascione, li tkellem dwar kemm dan ir-referendum kien diffiċli għall-kaċċaturi fuq livell personali. “Kienet kampanja twila li matulha ntqal ħafna gideb fuqna, ġejna attakkati u nsultati u għalhekk ma nixtiequ lill-ebda settur ieħor jgħaddi minn dak li għaddejna minnu. Meta tmiss lilek tkun taf minn xiex għaddejna,” saħaq Perici Calascione.
Farrugia qal li l-kamp ta’ favur il-kaċċa nefaq qrib il-€100,000 matul il-kampanja għar-referendum. Madankollu s-somma uffiċjali titħabbar wara proċess ta’ awditjar.
Intant tħabbar li l-kaċċaturi li l-Ħadd inġabru f’ċelebrazzjoni spontanja f’Ħal Qormi, bejniethom ġabru s-somma ta’ 1,836 għal Puttinu Cares.
//= $special ?>