L-ekonomija Maltija marret tajjeb matul is-sena li għaddiet, fl-isfond ta’ ekonomija globali li baqgħet reżiljenti u l-pass tal-irkuprar varja fost l-ekonomiji ewlenin tad-dinja.
Waqt li kien qed jippreżenta r-rapport annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall-2014, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Josef Bonnici, spjega li matul is-sena li għaddiet, it-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross f’termini reali kien ta’ 3.5%, żieda mit-2.7% fl-2013.
Dan it-tkabbir seħħ minħabba żieda fid-domanda domestika, fosthom infieq tal-Gvern, u konsum u investiment privat. Dan għamel tajjeb għall-kontribut negattiv tal-esportazzjoni.
Ir-rata ta’ qgħad fl-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet kienet f’medja ta’ 5.9%, nofs punt perċentwali meta mqabbel mal-2013.
L-inflazzjoni niżlet minn 1% fl-2013 u 0.8% is-sena li għaddiet.
Is-sitwazzjoni fiskali tal-Gvern fl-2014 kienet b’defiċit ta’ 2.2% tal-Prodott Domestiku Gross filwaqt li d-dejn tal-Gvern naqas għal% tal-Prodott Domestiku Gross
Għal din is-sena u l-2016, il-Bank Ċentrali qed ibassar tkabbir ta’ 3.4 u 2.8% rispettivament, li mistennija minħabba d-domanda domestika. L-inflazzjoni mistennija titla’ għal 1.9% fl-2016.
Il-Professur Bonnici kompla li s-settur bankarju lokali ikkontribwixxa biex l-ekonomija Maltij tibqa’ reżiljenti. F’termini ta’ solidita’ tal-banek tagħha fl-2010, Malta kklassifikat fl-għaxar post fl-indiċi tal-Forum Ekonomiku Dinji.
Madanakollu, ir-rati għas-self kienu għola minn dawk f’pajjiżi oħra fiż-żona ewo, partikolarment għal intrapriżi żgħar u medji. Dan jista’ jindika li l-miżuri tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jiffaċilita l-irkupru ekonomiku ma kienux mgħoddija għal kollox mill-banek lejn il-konsumatur.
//= $special ?>