Futbol Sport

Moutinho qed jittama f’sorpriża oħra minn Monaco

Real ilhom sitt partiti ma jirbħu lil Atletico

Il-midfielder ta’ Monaco Joao Moutinho qal li Juventus huma l-favoriti netti għall-isfida mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League illum, minkejja li l-liders tas-Serie A kellhom żelqa s-Sibt fil-kampjonat.

Iż-żewġ naħat se jkunu qed jiltaqgħu f’Turin fl-ewwel leg mill-konfront tal-aħħar tmienja fejn Juventus ġejjin minn telfa kontra l-aħħar tim fis-Serie A Parma.

Monaco li għaddew bil-gowls away wara draw 3-3 aggregate ma’ Arsenal, ilhom tmien partiti konskekuttivi mhux megħluba f’League 1 wara li l-Ġimgħa għelbu lil Caen 3-0.

“Juventus għandhom tim qawwi bi plejers formidabbli. Grupp kompatt li hu organizzat ħafna. Nafu li huma l-favoriti imma anke Arsenal kienu favoriti,” qal Moutinho.

“Għalina mhux se tkun faċli imma se nagħtu l-200 fil-mija biex nilħqu l-miri tagħna. Irridu nilagħbu fis-semifinali. Aħna tim żgħir imma ambizzjuż. Se nagħmlu dak kollu li hemm bżonn. Din hi opportunità unika u rridu nkunu konċentrati għal 180 minuta. L-iċken distrazzjoni tkun fatali għalina.”

Qabel it-telfa tas-Sibt kontra Parma, Juventus kienu tilfu darba biss fis-Serie A dan l-istaġun, waqt li rebħa 5-1 aggregate fuq Borussia Dortmund rathom jgħaddu mal-aħħar tmienja.

Iż-żewġ naħat qed ifittxu l-ewwel dehra tagħhom fis-semnifinali wara aktar minn 10 snin imma r-rekord li għandhom Monaco, li qatt ma rebħu fl-Italja, jista’ jagħmilhom aktar konxji kontra tim bħal Juventus li rebħu l-10 konfronti ta’ knock-out li kellhom kontra avversarji Franċiżi.

Madankollu Monaco għandhom jagħmlu l-kuraġġ mir-rebħiet konsekuttivi li kisbu fl-aħħar żewġ partiti fil-kompetizzjoni dan l-istaġun.

Patrice Evra se jkun qed jiltaqa’ kontra l-eks klabb tiegħu jekk jissejjaħ biex jibda mill-bidu ma’ Juventus li għandhom lil Lichsteiner, Morata, Pereyra u Vidal kollha b’karta safra.

Mourinho hu wieħed minn tliet plejers ta’ Monaco li b’karta safra oħra jiġi sospiż, waqt li Jeremy Toulalan ħareġ izappap bir-rebħa fuq Caen.

Andrea Pirlo (pexxul), Martin Caceres (għaksa) u Paul Pogba (koxxa), li wkoll għandhom karta safra, kollha mistennija jitlfu l-partita għal Juventus.

Għandhom xi jpattu
Illum ukoll Real Madrid se jippruvaw idawru s-serje ta’ riżultati diżappuntanti li kellhom dan l-aħħar kontra r-rivali ġirien mill-istess belt Atletico.

Sa minn meta kienu għelbu lill-ġirien biex rebħu l-10 titlu Ewropew f’Mejju li għadda, Real naqsu milli jegħlbu lil Atletico fis-sitt konfronti ta’ wara.

Telfa 1-0 fil-Vicente Calderon f’Awwissu tat rebħa 2-1 aggregate lil Atletico fis-Super Cup Spanjola u t-tim ta’ Diego Simeone rebaħ bl-istess skor matul 90 minuta meta ltaqgħu fil-Bernabeu f’La Liga tliet ġimgħat wara.

Rebħa 2-0 f’darhom mexxiethom lejn rebħa 4-2 aggrgate fuq żewġ legs f’Jannar fil-Copa del Rey u mbagħad fi Frar Real kienu umiljati 4-0.

Dan l-aħħar riżultat flimkien ma wirjiet xejn konvinċenti mal-aħħar 16 taċ-Champions League kontra Schalke, servew biex kabbru l-pressjoni fost il-partitarji xejn kuntenti bil-kowċ ta’ Real Carlo Ancelotti.

Madankollu xorta jista’ jkun hemm tmiem glorjuż għal dan l-istaġun wara li Barcelona rmew żewġ gowls vantaġġ fuq Sevilla s-Sibt u ħallew il-bieb miftuħ beraħ għat-titlu f’La Liga.

Imma l-mira iminenti ta’ Real hi li jwaqqfu s-serje negattiva ma’ Atletico u d-difensur Alvaro Arbeloa jinsab fiduċjuż li dan se jseħħ.

“Hemm tama u motivazzjoni qawwija fl-iskwadra. Nafu li rridu nirbħu lil Atlertico din is-sena imma nemmnu li nafu għalfejn dan ma seħħx. Fuq il-bank ta’ Real hemm plejers tajbin li kapaċi jibdlu l-logħba u barra dan għandna l-partita ta’ ritorn fil-Bernabeu.”

Iċ-Champions League tirrappreżenta ċ-ċans realistiku li fadlilhom Atletico li jirbħu xi unur dan l-istaġun wasra li ċ-Champions Spanjoli naqsu milli jżommu l-pass ma’ Barcelona u Real.

Antoine Griezmann kompla bil-forma tajba meta skorja darbtejn fid-draw 2-2 kontra Malaga imma l-attakkant l-ieħor Fernando Torrers jemmen li l-kowċ Simeone għandu ċ-ċavetta għas-suċċess tat-tim kontra Real.

“Hu l-karattru tiegħu bħala plejer u l-karattru bħala kowċ li jmexxi lit-tim. Jaf li aħna tim li rridu nkunu nafu min aħna, jaf il-punti debboli u fejn aħna b’saħħitna imma fuq kollox id-dgħufija ħalli mbagħad nistgħu nimplimentaw il-kwalitajiet li għandna.”

“M’għandniex l-għażliet li għandhom Real, Barcelona, Bayern jew Chelsea. Ma nistgħux infallu punti u npattu għalihom aktar tard. Aħna tim li nilagħbu fil-limiti tagħna.”

Real jinsabu lesti biex jilqgħu lura lil Gareth Bale li kellu problema fl-għaksa waqt li se jkunu qed jirritornaw ukoll il-midfielders Toni Kroos u James Rodriguez li kienu sospiżi kontra Eibar.

L-attakkant ta’ Atletico Mario Mandzukic skorja darbtejn kontra Real dan l-istaġun imma aktarx jitlef il-logħba minħaba injury fl-għaksa.

Il-programm
Kwarti tal-Finali I Leg

Għada
A Madrid v R Madrid (2045)
Juventus v Monaco (2045)

L-Erbgħa
FC Porto v B Munich (2045)
PSG v Barcelona (2045)