Kien riċeviment li ma deherx bil-wisq differenti minn attivitajiet oħra tal-kampanja elettorali fir-Renju Unit….Avveniment fejn spikkaw il-kandidat partikolari; l-imwejjed bl-ikel u x-xorb u ‘mistieden speċjali’ biex iqanqal l-interess tan-nies.
Iżda l-avveniment irriżulta f’kumplikazzjonijiet xejn mistennija għal Kim Rose, b’dan il-kandidat tal-UKIP jiżvela li hu qed jiffaċċja l-allegazzjonijiet li kiser ir-regoli elettorali. L-allegazzjoni prinċipali, fil-fatt, tisħaq li Rose ipprova jxaħħam lill-votanti ‘bis-sausage rolls’ waqt dan il-festin żgħir fil-lokalita ta’ Southampton Itchen.
In-nies li qed jgħinu l-kampanja ta’ Rose (kandidat għall-elezzjoni ġenerali) fissru l-allegazzjonijiet bħala ‘assolutament redikoli’, bl-istess Kim Rose jinsisti li l-intenzjonijiet tiegħu kienu ġenwini.
Rose qal li hu u sħabu kienu organizzaw jum ‘perfett’ għall-kostitwenti fejn ipprovdewlhom it-te, is-sandwiches u numru ta’ sausage-rolls. Iżda saru r-rapporti li Rose kien ipprova jiggwadanja (politikament) ‘b’mod qarrieqi’ u fejn hu ‘ipprova jxaħħam lin-nies bir-rigali biex jirbaħ il-voti’.
Il-kandidat tal-UKIP għal Southampton Itchen ma jistax iniżżel dawn l-allegazzjonijiet ‘inkredibbli u infondati’ u qal li ħadd m’hu se jiddeċiedi li jibdel il-mod kif jivvota ‘bis-saħħa ta’ sausage roll’. Madankollu, il-Pulizija mat-Taqsima għall-Kriminalita Ekonomika ta’ Hampshire infurmat lil Rose biex hu, nhar it-Tnejn, jirrikorri l-għassa tal-pulizija ta’ Romsey.
Għall-kronika, ta’ min isemmi li waqt il-festin ta’ Rose (fejn in-nies li attendew ħallsu miżata ta’ żewġ liri Sterlina) l-attrazzjoni speċjali kien il-player tas-snooner veteran, Jimmy White, li lagħab ukoll xi logħbiet waqt l-okkażjoni.
//= $special ?>