Lokali

Programm iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-impjegati ta’ Vassallo Group

Il-Grupp Vassallo, flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, ħoloq programm speċifiku biex jgħin lill-impjegati tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-problemi li wieħed jiffaċċja ta’ kuljum.

Il-programm, Employment Assistance Programme, għandu l-għan li jagħti l-għajnuna u s-sostenn meħtieġ lill-impjegati, minn esperti dwar kif wieħed jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja li jgħix fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja personali.

Il-programm, li hu estiż anke għall-qraba tal-impjegati, hu kunfidenzjali għall-aħħar, fejn il-ħaddiema jagħmlu kuntatt dirett mal-Fondazzjoni Richmond.

Charlò Bonnici, il-Kap tat-Taqsima tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Grupp Vassallo, sostna li l-inizjattiva swiet ta’ sostenn kbir għall-impjegati li fittxew is-servizz, li wassal sabiex ħalla riżultati pożittivi. “Il-fatt li dan il-programm irnexxa b’suċċess ifisser sodisfazzjon kbir għalina u qed ikompli jgħinna biex inkomplu nuru s-sapport tagħna lejn l-impjegati” sostna Charlò Bonnici.

Il-programm EAP huwa ppjanat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu għaddejjin minn problemi u diffikultajiet u li jkun jeħtiġilhom għajnuna immedjata, fosthom problemi ta’ alkoħol, dipressjoni, ansjetà, mewt ta’ xi ħadd għażiż jew diffikultajiet oħra. F’każijiet fejn l-impjegat ikollu bżonn ta’ sapport finanzjarju, il-kumpanija tkun lesta wkoll biex tikkunsidra li tikkontribwixxi għal dan, permezz tal-Fondazzjoni Arkati.