Futbol Sport

PSG jeskludu l-bejgħ ta’ Cavani

Il-President ta’ Paris Saint Germain, Nasser Al-Khelaifi eskluda l-bejgħ tal-attakkant Edinson Cavani minkejja xnigħat kbar dwar il-futur tiegħu mal-klabb ta’ Ligue 1.

Cavani li sieħeb lil PSG mingħand Napoli għal somma ta’ madwar €64 miljuni f’Lulju tal-2013, kien qed jissemma bil-qawwi ma’ Manchester United, Juventus u Atletico Madrid.

Madankollu qed jingħad li mhux kuntent bir-rwol tiegħu ma’ PSG hekk kif l-internazzjonali tal-Urugwaj qed jilgħab mal-linja għaliex il-kowċ Laurent Blanc jippreferi lil Zlatan Ibrahimovic bħala attakkant ċentrali.

L-eks plejer ta’ Palermo kien ukoll kritikat pubblikament minn Blanc u sfurzat jagħmel żewġ partiti barra f’Jannar, wara li naqas milli jattendi training camp ta’ nofs l-istaġun.

Imma Al-Khelaifi mhux lest li jħalli l-akkwist rekord tiegħu jitlaq.

“Edinson Cavani hu plejer li nħobb ħafna. Nista’ ngħidilkom li jinsab komdu magħna u m’hemmx dubji li jista’ jitlaq. Pariġi tħobbu u hu jħobb lil Pariġi.”

Cavani skorja 25 gowl fl-ewwel staġun tiegħu ma’ PSG u dan l-istaġun skorja 20 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha.