Ma battiet xejn il-kritika tat-Turkija lejn il-Papa Franġisku wara li nhar il-Ħadd qal li l-qtil li kien sar tal-popolazzjoni Nisranija Armena mill-Imperu Tork kien ġenoċidju.
Bħala l-ewwel reazzjoni, it-Turkija sejħet lura lill-Ambaxxatur Tork għall-Vatikan u issa mistennija aktar miżuri. Mevlut Cavusoglu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork, qal li dak li qal il-Papa ma kien ta’ ebda valur, la għat-Torok u lanqas għat-Turkija. Hu żied li wara konsultazzjonijiet li se jsiru, mistennija jitħabbru aktar miżuri kontra l-Vatikan.
Hu stmat li t-Torok kienu qatlu mal-1.5 miljun Armen fl-1915 imma t-Turkija qatt ma ammettiet dan, u lanqas li dak li sar kien ġenoċidju. L-Ambaxxata Torka għall-Vatikan qalet li b’dak li qal, il-Papa kien qed jimmalafama lit-Turkija.
Bħalissa qed titfakkar il-100 sena mill-massakru tal-Armeni u l-Papa l-Ħadd qal li f’dawn il-ġranet qed iseħħ ġenoċidju ieħor, b’riferiment għall-qtil tal-Insara fil-Lvant Nofsani u bnadi oħra, u kkundanna n-nuqqas ta’ azzjoni mill-komunità internazzjonali biex dan jieqaf.
Tkompli l-kritika Torka lejn il-Papa
