Kummerċ Lokali

96% tal-Maltin sodisfatti bl-ajruport

90% tal-Maltin huma kburin bl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqt li 96% iddeskrivew irwieħhom “sodisfatti ħafna” jew “pjuttost sodisfatti” bl-ajruport tal-pajjiż.

Dan joħroġ minn stħarriġ li sar bejn Jannar u Frar minn Informa Consultants dwar il-perċezzjoni tal-Maltin dwar l-ajruport.

Fih ħadu sehem 1,000 persuna residenti f’Malta, ta’ età bejn 16 u 69 sena, fejn kull persuna kellha tagħti punteġġ, minn wieħed sa ħamsa, għal serje ta’ dikjarazzjonijiet. 84% ta’ dawk li wieġbu żaru l-ajruport fl-aħħar sena.

32% tal-Maltin wieġbu li huma kburin ħafna bl-ajruport tal-pajjiż waqt li 64% wieġbu li huma pjuttost kburin.

92% ta’ dawk li wieġbu, qablu li l-ajruport hu kontributur importanti għall-ekonomija. Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) fakkar li skont l-aħħar studju tal-ACI Europe, l-ajruport jikkontribwixxi għal 9.2% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż, għal 15,300 impjieg u jiġġenera €660 miljun fis-sena.

Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li 87% tal-Maltin qiesu lill-MIA bħala kumpanija ta’ suċċess u 81% qablu li l-ajruport hu konness sew mad-dinja. 82% qalu li l-kumpanija tieħu ħsieb il-klijenti tagħha waqt li 84% qalu li l-MIA tgawdi minn fama tajba.

Alan Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, qal li r-reazzjoni tħeġġeġ iktar lill-kumpanija li tħossha onorata li għandha l-appoġġ ta’ maġġoranza daqshekk kbira ta’ residenti Maltin. Spjega li l-kumpanija trid tibqa’ ffukata biex issaħħaħ il-fama tajba tagħha u timmira għall-ogħla standards. Trid tkompli tibni fuq dan is-suċċess biex tara lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jsir l-aqwa ajruport fl-Ewropa.