Kompla l-ġlied fl-Ukrajna bejn il-militar tal-Gvern u r-ribelli separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja. Dan minkejja t-tentattivi diplomatiċi ġodda intiżi li jinfurzaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fir-reġjuni Ukreni.
Il-kumbattimenti spikkaw matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, b’kelliema għall-Gvern tal-Ukrajna jgħidu li s-suldati tagħhom qrib l-inħawi ta’ Donetsk kienu suġġetti għal diversi bumbardamenti. Min-naħa tagħhom, ir-ribelli separatisti qalu li l-ġellieda tagħhom spiċċaw attakkati viċin l-ajruport ta’ Donetsk.
L-aħħar spinta fil-ġlied seħħet minkejja li r-Rappreżentanti tal-Ukrajna, ir-Russja, il-Ġermanja u Franza appellaw għall-irtirar ta’ numru akbar ta’ armamenti miz-zoni tal-ġlied fl-Ukrajna tal-Lvant. Intant, dawn l-erbgħa pajjiżi esprimew tħassib profond dwar l-aħħar inċidenti.
Qabel l-aħħar ġlied fl-Ukrajna, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, ir-Russja, il-Ġermanja u Franza kienu ltaqgħu f’Berlin biex jiddiskutu s-sitwazzjoni u fejn sejħu biex il-qawwiet rispettivi fiz-zoni Ukreni tal-Lvant jirtiraw it-tankijiet tal-gwerra minbarra l-mortars u l-artillerija ta’ ċertu kalibru.
Madankollu, il-Ġermanja wissiet li dawn it-taħditiet anki enfasizzaw mill-ġdid id-differenzi bejn l-Ukrajna u r-Russja rigward il-konflitt li għadu kemm għalaq sena fir-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk.
//= $special ?>