Internazzjonali

Għaddiet sena mindu nħatfu t-tfajliet mill-Boko Haram fin-Niġerja

Saru diversi ċerimonji fin-Niġerja u madwar id-dinja biex ifakkru l-ewwel anniversarju minn meta l-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram kienu ħatfu iktar minn 200 tifla tal-iskola f’Chibok, lejn il-Grigal tan-Niġerja.

L-anniversarju ta’ qsim il-qalb kien imfakkar b’mod partikulari f’dan il-pajjiż fejn spikkat purċissjoni fil-belt kapitali Abuja, bis-sehem ‘simboliku’ ta’ 219-il tfajla li rrappreżentaw lil kull waħda tat-tfajliet maħtufa.

Il-ħtif tat-tfajliet kien qajjem l-għadab madwar id-dinja, u l-Istati Uniti u pajjiżi oħra impenjaw ruħhom biex jgħinu biex dawn it-tfajliet jinstabu.

Intant, filwaqt li l-anniversarju tal-ħtif kien imfakkar b’mod solenni f’diversi bnadi tad-dinja, jibqa’ l-fatt li għadu ma nstab ħadd minn fost dawk it-tfajliet.

Fl-aħħar xhur kien hemm ukoll ir-rapporti li ntlemħu wħud mit-tfajliet (bl-aħħar każ jirreferi għal xi ħamsin tfajla li ngħad li kienu fil-belt ta’ Gwoza) iżda ma rriżulta xejn konkret.

Fl-istess ħin, il-ġellieda tal-Boko Haram qalu li dawn it-tfajliet illum ikkonvertew għall-Iżlam minbarra li spiċċaw miżżewġin lill-militanti tal-grupp.

Meta, is-sena l-oħra, kien ikkonfermat il-ħtif tat-tfajliet, numru ta’ personalitajiet bi profil għoli kienu minn tal-ewwel li tkellmu kontra l-aġir tal-Boko Haram minbarra li ħarġu bl-appelli biex it-tfajliet jintbagħtu lura d-dar.

Fl-aħħar xhur spikkaw ukoll il-kampanji li kkritikaw lill-Gvern ta’ Goodluck Jonathan (il-President Niġerjan li wasal biex jispiċċa) talli ma għamilx biżżejjed biex jinstabu dawn it-tfajliet. L-Amministrazzjoni ta’ Jonathan kienet ikkritikata wkoll għall-mod kif ikkonfrontat lill-Boko Haram li ilhom għal dawn l-aħħar sitt snin imexxu offensiva fl-artijiet Niġerjani tat-Tramuntana u fejn eluf ta’ nies spiċċaw tilfu ħajjithom.