Internazzjonali

Il-Greċja tinsisti li se tirrispetta l-obbligi fuq id-dejn

Il-Greċja ċaħdet li jista’ għandha l-intenzjoni li ma tonorax l-impenji fuq id-dejn f’każ li ma jirnexxilhiex tilħaq ftehim mal-kredituri internazzjonali rigward il-kundizzjonijiet tal-bailout.

Sadanittant, kelliema għall-Gvern Grieg qalu li n-negozjati lejn soluzzjoni għaddejjin b’ritmu tajjeb waqt li ċaħdu r-rapporti li l-Gvern jista’ qed jaħseb biex isejjaħ l-elezzjonijiet bikrija fil-Greċja f’każ li ma tintlaħaqx soluzzjoni mal-kredituri.

Il-Greċja, fl-aħħar ta’ Frar, kienet innegozjat estensjoni ta’ tlett xhur għall-bailout tagħha ekwivalenti għal 240 biljun ewro.

Il-Gvern Grieg, f’Mejju, għandu jħallas il-mijiet tal-miljuni tal-ewro lill-Fond Monetarju Internazzjonali, iżda r-rapporti jissuġġerixxu li dan il-Gvern reġa’ qed jiffaċċja l-problemi finanzjarji. F’din is-sitwazzjoni, il-Greċja teħtieġ issib mat-2.4 biljun ewro biex, dan ix-xahar, tħallas il-pensjonijiet flimkien mas-salarji lill-ħaddiema taċ-ċivil.