Lokali

Il-Gvern Laburista qed jitlef il-boxla morali b’mod mgħaġġel – l-editorjal ta’ Times of Malta

L-editorjal ta’ The Times jiddikjara li l-Gvern Laburista qed jtlef il-boxxla morali b’mod mgħaġġel.

Din id-dikjarazzjoni qawwija l-editorjal ta’ The Times għamilha b’riferenza għall-każi tal-eks-Ministru Manwel Mallia u tal-attivist Laburist u eks-kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewopej Cyrus Engerer.

L-editorjal ta’ ‘The Times’ isostni li fil-vokabolarju politiku tal-Partit Laburista, il-frażi ‘suldat tal-azzar’ għandha tifsira differenti miż-żminijiet ta’ Mintoff. Din illum saret tfisser persuna li jkun għamel xi ħaġa ħażina iżda li jkun rijabilitat.

L-editorjal jirriferi għall-eks-Ministru Manwel Mallia u għal Cyrus Engerer u jsostni li konklużjoni loġika hi li t-tneħħija ta’ Manwel Mallia minn Ministru kienet biss manuvra politika intenzjonata biex il-Gvern jirkeb fuq il-kontroversja li nħolqot dwar l-attentat cover-up li wassal biex tneħħa l-aġent Kummissajru tal-Pulizija.

Jidher, isostni The Times, li issa Manwel Mallia se jirritorna fiċ-ċentru tal-poter u ma tkunx sorpriża jekk jerġa’ jingħata pożizzjoni għolja.

L-editorjal ikompli li fl-opinjoni tal-Prim Ministru, Manwel Mallia ma kienx involut fl-attentat ta’ cover-up iżda kellu jassigura li l-istqarrija tal-Gvern dwar il-każ tal-isparatura tkun korretta. Oriġinarjament f’din l-istqarrija l-Gvern kien qal li x-xufier tal-Ministru Mallia kien spara fl-ajru meta fil-fatt dan ma kienx il-każ għaliex ix-xufier spara fid-direzzjoni tal-karrozza.

Dan l-inċident, isostni The Times, poġġa lill-pulizija f’dawl negattiv għaliex l-inċident ta l-impressjoni ta’ każ ieħor ċar ta’ arroganza tal-pulizija. Dan kien każ li kompla heżżeż il-fiduċja pubblika tan-nies fil-pulizija.

Dwar il-każ ta’ Cyrus Engerer, The Times tgħid li dan hu agħar għaliex hu nstab ħati ta’ att kriminali dwar distribuzzjoni ta’ pornografija u kien kundannat sentejn ħabs sospiżi. Minflok kien politikament imwarrab, Engerer nħatar mibgħut speċjali tal-Prim Ministru fuq suġġetti Ewropej b’salarju annwali ta’ amdwar €85,000.