Hi stramba li l-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ mhix imsemmija f’Abbozz ta’ Liġi li kellu jagħti aktar poteri lil din l-Assoċjazzjoni
Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici kkritikat lill-Gvern li ma kkonsultax mal-komunità tal-persuni nieqsa mis-smigħ fit-tfassil tal-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Rikonoxximent tal-Lingwa Maltija tas-Sinjali. Dan għaliex il-liġi kif proposta mhix se tkun qed tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw l-interpreti għall-persuni nieqsa mis-smigħ u l-isfidi li għandha quddiemha l-Għaqda tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ.
Persuni nieqsa mis-smigħ għandhom ikollhom id-dritt li jużaw il-lingwa tas-sinjali bħala l-mezz ta’ komunikazzjoni u li jkollhom aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u għall-impjieg.
Jekk nemmnu f’dan, sostniet Paula Mifsud Bonnici meta tkellmet dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi li kien qed jiġi diskuss qabel mal-Parlament aġġorna għall-4 ta’ Mejju, irridu naraw kif nipprovdu s-servizzi adegwati għall-komunità tal-persuni neqsin mis-smigħ.
Ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali fissret l-Abbozz ta’ Liġi bħala pass ‘il quddiem li jkollna liġi li l-lingwa Maltija tas-sinjali titqies bħala l-lingwa uffiċjali u li se tkun qed tipprovdi għall-iżvilupp ta’ din il-lingwa u tirregola t-twaqqif tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali.
Dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali, Paula Mifsud Bonnici staqsiet għaliex dawn il-membri jridu jkunu kollha maħtura mill-Ministru.
Kunsill li se jkollu rwol li jagħti pariri lill-Ministru f’materji tal-lingwa tas-sinjali, u għaldaqstant fissret li ma tifhimx għaliex dawn il-persuni għandhom ikunu maħtura mill-Ministru. La darba jkunu maħtura mill-Ministru, il-lealtà tal-membri tal-Kunsill tkun lejn il-Ministru u mhux lejn il-persuni neqsin mis-smigħ jew lejn l-iżvilupp tal-lingwa tas-sinjali.
Staqsiet ukoll jekk saritx konsultazzjoni dwar dan, għax fissret li l-biża’ hi li l-Gvern ma kkonsultax għaliex hi stramba ħafna wkoll li l-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ mhix imsemmija f’dan l-Abbozz ta’ Liġi. Sostniet li l-Gvern kellu jagħti aktar poteri lil din l-Assoċjazzjoni.
Paula Mifsud Bonnici esprimiet ukoll id-diżappunt tagħha li fl-Abbozz hemm ftit li xejn dwar ix-xogħol importanti tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali.
Fissret li ma tagħmilx sens li jkollna liġi dwar il-lingwa Maltija għas-sinjali u ma nidħlux fil-kunċett u fix-xogħol importanti tal-interpreti. Appellat għal Kunsill li jindirizza l-problemi kbar tal-interpreti u l-isfidi tal-persuni nieqsa mis-smigħ.
Appellat għal aktar konsultazzjoni biex jissolvew l-isfidi u l-problemi għall-komunità nieqsa mis-smigħ. Għandu wkoll ikun hemm aktar investiment għall-interpreti biex jagħtu dan is-servizz professjonali u jagħti aċċess aħjar lil din il-komunità.
Appellat lill-Gvern ma jixxaħħaħx ma’ dawn il-persuni waqt li jkun ħali ma’ persuni oħrajn.
Ix-Shadow Minister fissret li din il-komunità ħaqqa li jkollha interpreti meħtieġa li jgħinu lil persuni neqsin mis-smigħ hekk kif semmiet każi fejn persuna nieqsa mis-smigħ tingħata servizz ta’ interpretu darba fil-ġimgħa.
//= $special ?>