Lokali

Iffirmat kuntratt ma’ kumpanija Malasjana biex tħaddem it-tanker tal-gass

Malta ntrabtet għal 18-il sena mal-kumpanija Malasjana

Il-kumpanija ElectroGas Malta Ltd għadha kemm iffirmat kuntratt ta’ $300 miljun ma’ kumpanija Asjatika, mill-Malasja, bl-isem Bumi Armada Berhad, biex din topera tanker tal-gass għal Malta.

Il-kuntratt kien iffirmat tard ilbieraħ filgħaxija u dan it-tanker għandu jibda jopera fid-Delimara mis-sena d-dieħla.

L-aħbar kienet żvelata minn sit tal-aħbarijiet Malasjan li żvelat ukoll li dan il-ftehim tfassal permezz ta’ numru ta’ kuntratti, fosthom mal-kumpaniji Armada Floating Gas Storage Malta Ltd u Armada Floating Gas Services Malta Ltd, li kollha jiffurmaw parti minn din il-kumpanija Malasjana.

Malta qed tintrabat ma’ din il-kumpanija għal mill-inqas 18-il sena u xahrejn, u jidher li diġa’ ġie identifikat it-tanker li se jkun qed jintuża għal dan il-għan f’Malta.

Is-sit uffiċjali tal-kumpanija Malasjana tidħol f’iktar dettall biex tispjega dwar dan il-kuntratt, fejn tispjega li dan il-ftehim se jkun qed jintuża għall-impjant ġdid tal-gass li se jkun qed jinbena fid-Delimara.

Għall-kuntratt uffiċjali, agħfas hawnhekk.

Tanker Gass