Numru ta’ immigranti illegali li ġew salvati waqt vjaġġ lejn l-Ewropa qed jgħidu li għerqu tal-anqas 400 immigrant ieħor li kienu nqalbu bid-dgħajsa barra l-Libja.
L-immigranti qalu dan lir-rappreżentanti tal-organizzazzjoni ‘Save the Children’ – bil-gwardjani tal-kosta Taljani ilhom l-aħħar sigħat iwettqu missjoni ta’ ‘search and rescue’ (bil-vapuri u l-ajruplani) bit-tama li jsalvaw in-nies mill-baħar. Il-gwardjani tal-kosta Taljani, nhar it-Tnejn, irnexxielhom isalvaw 144 persuna, b’ħafna mill-immigranti salvati jkunu żgħażagħ u adolexxenti.
L-immigranti li tkellmu dwar it-traġedja qalu li d-dgħajsa inkwistjoni, li kienet qed iġġorr mal-550 persuna, inqalbet fil-baħar jum biss wara li kienet telqet mill-kosta tal-Libja. Filwaqt li l-awtoritajiet irkupraw disa’ katavri, ma nstabu l-ebda persuni ħajjin mindu bdiet it-tfittxija fuq il-baħar.
L-Unjoni Ewropea qalet li, min-nhar il-Ġimgħa ‘l hawn, kienu salvati mill-Mediterran ‘il fuq minn 7,000 immigrant illegali.
//= $special ?>