Wara li l-Ħadd tħabbar li ntrebaħ ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, b’maġġoranza ta’ 50.4%, illum fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa li jibqa’ miftuħ għal 21 ġurnata, sat-30 t’April 2015.
Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa sar is-Sibt, bir-riżultat jitħabbar il-Ħadd ftit sigħat biss wara li beda l-għadd tal-voti. Il-kamp tal-IVA għall-kaċċa fir-rebbiegħa kiseb 50.4% tal-voti, filwaqt li l-kamp tal-LE kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa kiseb 49.6% tal-voti mixħuta.
L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fetaħ dalgħodu u jibqa’ għaddej sat-30 t’April 2015 u b’kollox jistgħu jinqabdu 11,000 Gamiema u 5,000 Summiena. L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jingħalaq wara li tintlaħaq din il-kwota.
F’Malta hawn madwar 10,000 kaċċatur reġistrat, u kull kaċċatur jista’ jaqbad sa’ massimu ta’ 4 għasafar matul il-perjodu kollu tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan filwaqt li l-ebda kaċċatur ma jista’ jaqbad iktar minn żewġ għasafar f’ġurnata waħda.
L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ma kienx jiftaħ kieku l-vot ‘LE’ kiseb il-maġġoranza fir-referendum ta’ nhar is-Sibt li għadda.
//= $special ?>