Internazzjonali

Jorqod ħdejn il-bagalji u jġiegħel ajruplan jagħmel inżul t’emerġenza

Titjira minn Seattle sa Los Angeles, fl-Istati Uniti, kellha ddur lura hekk kif passiġġieri semgħu ħsejjes kbar ġejjin mill-parti t’isfel tal-ajruplan fejn jinżammu l-bagalji.

14-il minuta wara li l-ajruplan kien ħalla l-ajruport ta’ Seattle, passiġġieri tal-Business Class u l-pilota semgħu tisbit qawwi u għajjat ġej minn taħt l-ajruplan. Irriżulta li ħaddiem li jġorr il-bagalji kien raqad fil-parti tal-ajruplan fejn jinżammu l-bagalji u qam meta l-ajruplan kien diġà ħalla l-art.

Il-pilota talab li jerġa’ jdur lura u jagħmel inżul t’emerġenza fl-ajruport ta’ Seattle wara biss ftit minuti fl-ajru. Malli l-ajruplan niżel lura, il-ħaddiem ħareġ minn fejn kien u deher jitkellem ma’ xi ħaddiema oħra tal-ajruport qabel mexa lejn it-terminal. Għalkemm deher f’sikktu, hu ttieħed l-isptar għal xi testijiet.

Il-linja Alaska Airlines qalet li qed tinvestiga l-inċident.