L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qed jipparteċipa fil-Konferenza Dinjija tal-Parlamenti li qed issir f’Washington DC organizzata mill-Bank Dinji u mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Matul din il-konferenza li qed titlaqqa’ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Bank Dinji, l-Ispeaker Malti mexxa sessjoni dwar l-isfidi kurrenti reġjonali u globali, il-qgħad u l-inugwaljanza.
L-Ispeaker iddiskuta s-sitwazzjoni tal-qgħad u l-inugwaljanza fil-kuntest dinji u s-soluzzjonijiet prattiċi għall-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni, ir-rispett lejn id-drittijiet umani u kif għandna nindirizzaw l-isfida tat-tnaqqis tal-burokrazija.
F’sessjoni speċjali mad-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju internazzjonali, Christine Lagarde; u mal-President tal-Grupp tal-Bank Dinji, Jim Yong Kim, ipparteċipa wkoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia li staqsa dwar kif il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali jħarsu lejn is-sitwazzjoni nkwetanti tal-Greċja u dwar is-soluzzjonijiet alternattivi biex dan il-pajjiż u l-poplu Grieg joħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja li jinsab fiha.
Christine Lagarde wieġbet li temmen li l-Greċja għad tifhem li jridu jiġu implimentati r-riformi meħtieġa, u li hu fl-interess ta’ kulħadd, inkluż tal-Unjoni Ewropea, li jintlaħaq ftehim. Insistiet li kulħadd għandu jibqa’ jaħdem b’impenn biex tinstab soluzzjoni.
//= $special ?>