Lokali

L-Oppożizzjoni tappella b’risq il-ħaddiema anzjani

Ritratt mill-arkivji

“Hemm bżonn li l-bżonnijiet tal-ħaddiema anzjani jkunu indirizzati”. Kien dan l-appell tal-Kelliem għall-Familja, Ħarsien tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar waqt Seminar organizzat mill-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions.

Fost oħrajn, hu tkellem dwar il-bżonn li l-unjins Maltin u Għawdxin, flimkien mal-Gvern, jirrikonoxxu dejjem iktar il-bżonnijiet tal-ħaddiema li qed jikbru fl-eta’ u li jixtiequ jkomplu jaħdmu, kemm għall-qliegħ finanzjarju, kif ukoll b’mod volontarju.

Hu fakkar li l-Oppożizzjoni se tkun qed tappoġja lil Gvern f’kull inizjattiva maħsuba għall-ġid ta’ din il-faxxa dejjem tikber tas-soċjeta’, filwaqt li tikkritika kull fejn tħoss il-bżonn.

Fost oħrajn, hu semma’ diversi miżuri u inizjattivi li kien waqqaf il-gvern Nazzjonalista, u li permezz tagħhom, din il-faxxa tas-soċjeta’ gawdiet ħafna. Tispikka fost oħrajn l-Universita’ tat-Tielet Eta’, it-telework u s-sistema tar-“reduced hours” fid-dinja tax-xogħol. Hu fakkar li hemm aċċenn ukoll għal dan fl-istrateġija nazzjonali għall-Anzjanita’ Attiva, filwaqt li staqsa jekk wasalx iż-żmien li l-eta’ tal-irtirar obbligatorju tkun abbolita.

Robert Cutajar qal li dan kollu għandu jiġi diskuss bir-reqqa bejn l-imsieħba soċjali u anke fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku.